Profil tal-kumpanija

L-Enemalta, li ġiet stabbilita fl-1977, hija l-fornitur ewlieni tas-servizzi tal-enerġija fil-Gżejjer Maltin, fdata bid-distribuzzjoni tal-elettriku, u l-iżvilupp tan-netwerk tad-distribuzzjoni nazzjonali tal-elettriku.

L-għan tal-Kumpanija huwa li toffri servizzi affidabbli lill-klijenti tagħha, filwaqt li tiżviluppa infrastruttura effiċjenti tal-elettriku sabiex tipprovdi għall-ħtiġijiet enerġetiċi tal-pajjiż.

F’dawn l-aħħar snin, il-Kumpanija nediet investimenti bla preċedenti sabiex tittrasforma l-infrastruttura tal-ġenerazzjoni tal-elettriku tagħha, issaħħaħ in-netwerk tad-distribuzzjoni, tikkonsolida l-kwalità tas-servizzi tagħha u tikseb sostenibbiltà finanzjarja fit-tul.

Bħala riżultat ta’ din it-trasformazzjoni, l-Enemalta issa qiegħda tipproduċi l-elettriku permezz ta’ taħlita effiċjenti u li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent li tinkludi impjanti ġodda li jaħdmu bil-gass, elettriku impurtat permezz tal-Interconnector bejn Malta u l-Italja u sorsi tal-enerġija rinnovabbli konnessi mal-grid.

Fl-istess ħin, hija impenjata wkoll f’investiment kontinwu fil-manutenzjoni u t-tisħiħ tan-netwerk nazzjonali tal-elettriku, sabiex iżżid ir-redundancy tal-grid u l-flessibbiltà fil-Gżejjer Maltin. Il-Kumpanija tadotta programmi ta’ titjib kontinwu fil-livelli tekniċi u amministrattivi kollha sabiex iżżid kontinwament il-kwalità tas-servizzi tagħha, biex iżżid l-effiċjenza tal-operazzjonijiet tagħha u biex tikkonsolida l-ħiliet u l-kapaċitajiet tal-impjegati tagħha.

Permezz ta’ dawn l-isforzi, l-Enemalta tfittex li tilħaq l-objettivi strateġiċi tagħha filwaqt li twettaq id-dikjarazzjoni tal-missjoni prinċipali tagħha; li tipprovdi soluzzjonijiet enerġetiċi aktar nodfa, aktar siguri u sostenibbli, filwaqt li taħdem biex tilħaq u taqbeż l-aspettattivi tal-klijenti billi tagħti s-setgħa lill-impjegati u tipprovdilhom opportunitajiet ta’ żvilupp.