L-Interconnector bejn Malta u l-Italja

B’aktar minn 98 km ta’ kejbils f’qiegħ il-baħar, kważi 20 km ta’ kejbils fuq l-art, kapaċità ta’ fluss bidirezzjonali ta’ 200 MW ta’ elettriku b’230 kV, l-Interconnector bejn Malta u l-Italja huwa wieħed mill-itwal interconnectors ta’ kurrent alternanti b’vultaġġ għoli, tal-kapaċità tiegħu fid-dinja.

Aħna nużaw dan l-Interconnector bejn Baħar iċ-Ċagħaq, f’Malta u Marina di Ragusa, fil-gżira Taljana ta’ Sqallija, biex nikkonnettjaw il-grid nazzjonali Maltija man-netwerk tal-enerġija Ewropew. Permezz ta’ din l-infrastruttura, aħna niksbu kapaċità addizzjonali ta’ 200 MW ta’ elettriku impurtat biex nissodisfaw il-ħtiġijiet tal-elettriku tal-klijenti tagħna.

Fl-2010, aħna qabbadna lill-kumpanija Norveġiża Nexans biex timmanifattura u tqiegħed l-interconnector f’qiegħ il-baħar u tissorvelja x-xogħlijiet relatati kollha fuq l-art fil-Magħtab f’Malta, u f’Ragusa, fil-gżira Taljana ta’ Sqallija. Sal-aħħar tal-2013, it-terminal station fil-Magħtab kien kważi lest. Dan l-istazzjon jinkludi switchgear iżolat bil-gass, shunt reactors, transformers u tagħmir ieħor biex jimmonitorja u jikkontrolla l-elettriku trasferit permezz tal-kejbil f’qiegħ il-baħar, qabel ma jiġi distribwit lill-grid Maltija.

Ix-xogħlijiet l-oħra li kien fadal twettqu matul l-2014. Nexans użat il-bastiment speċjalizzat tagħha li jqiegħed il-kejbils, biex iġġib il-kejbil ta’ qiegħ il-baħar mill-faċilità ta’ manifattura tagħha f’Halden, fin-Norveġja, għall-Baħar Mediterran, f’żewġ lottijiet. Il-kejbil ta’ qiegħ il-baħar inġibed għal fuq l-art permezz ta’ mina fil-Bajja ta’ Qalet Marku, kilometru ’l bogħod mit-Terminal Station tal-Magħtab, u ġie installat f’kanal tal-konkrit rinforzat.

Fi ftit xhur, il-kejbil ta’ qiegħ il-baħar tpoġġa u ntradam f’qiegħ il-baħar bejn iż-żewġ gżejjer. L-Enemalta rat li dan il-proċess ma jfixkilx l-ambjent marittimu tal-Mediterran, u hemm fis-seħħ miżuri speċjali biex tiġi mħarsa l-Posidonia Oceanica endemika, speċi protetta ta’ ħaxix tal-baħar li tikber f’din il-parti tal-Baħar Mediterran.

L-Interconnector jgħaqqad il-grid Maltija man-netwerk tal-enerġija Ewropew permezz ta’ substation operat mill-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni Taljan Terna, f’Ragusa. Hawnhekk, l-istazzjon tal-Enemalta jinkludi switchgear fuq barra iżolat bl-arja, shunt reactors u tagħmir għall-protezzjoni u l-kontroll tal-konnessjoni mal-grid Taljana.

F’Settembru 2014, il-kejbil ta’ qiegħ il-baħar inġibed għal fuq l-art f’Marina di Ragusa. Kejbils taħt l-art tul 19-il kilometru ta’ toroq sekondarji jgħaqqdu l-interconnector ta’ qiegħ il-baħar mal-iswitchgear fis-substation. Il-kejbil ta’ qiegħ il-baħar jinkludi wkoll żewġ clusters tal-fibra ottika għat-trasferiment tad-data.

F’Jannar 2015, is-sistemi kollha kienu lesti u beda l-ittestjar finali. L-ewwel sinkronizzazzjoni tan-netwerks Taljani u Maltin permezz tal-Interconnector seħħet b’suċċess f’Marzu 2015.

L-Interconnector bejn Malta u l-Italja mhux biss kien xi ħaġa ġdida għal Malta, iżda wkoll pass teknoloġiku importanti ’l quddiem fl-iżvilupp ta’ dan it-tip ta’ interkonnessjoni tal-elettriku madwar id-dinja. Huwa temm l-iżolament tal-Gżejjer Maltin min-netwerk tal-enerġija Ewropew u pprovda sigurtà tal-provvista u flessibbiltà akbar fis-servizzi tagħna tal-elettriku.

[ngg_images source=”galleries” container_ids=”1″ display_type=”photocrati-nextgen_basic_thumbnails” override_thumbnail_settings=”0″ thumbnail_width=”240″ thumbnail_height=”160″ thumbnail_crop=”1″ images_per_page=”20″ number_of_columns=”0″ ajax_pagination=”0″ show_all_in_lightbox=”0″ use_imagebrowser_effect=”0″ show_slideshow_link=”1″ slideshow_link_text=”[Show slideshow]” order_by=”sortorder” order_direction=”ASC” returns=”included” maximum_entity_count=”500″]