In-netwerk tagħna

L-inġiniera u t-tekniċi tagħna huma fdati bl-iżvilupp, il-manutenzjoni u t-tħaddim tal-grid tad-distribuzzjoni tal-elettriku nazzjonali; is-sistema’ li tiddistribwixxi l-elettriku minn sorsi differenti tal-enerġija lill-klijenti kollha tagħna fil-Gżejjer Maltin.

Id-distribuzzjoni tal-elettriku minn sorsi differenti: mill-Power Station ta’ Delimara, mit-Terminal Station tal-Interconnector bejn Malta u l-Italja fil-Magħtab u minn diversi sorsi ta’ enerġija rinnovabbli mqabbda mal-grid f’diversi partijiet tal-pajjiż lill-klijenti tagħna tinkiseb permezz ta’ netwerk f’erba’ livelli, li jinkludi erba’ livelli differenti ta’ vultaġġ, 132 kV, 33 kV, 11 kV u 400/230 V. Permezz ta’ din is-sistema, aħna nfittxu li niddistribwixxu l-elettriku lill-klijenti kollha tagħna madwar il-pajjiż, bl-anqas livelli possibbli ta’ telf tekniku. Il-frekwenza tal-provvista tal-elettriku f’Malta hija 50 Hz.

L-elettriku mill-Power Station ta’ Delimara u t-Terminal Station tal-Magħtab jiġi distribwit lil erba’ ċentri tad-distribuzzjoni ta’ 132 kV (substations primarji), tnejn fil-Marsa u wieħed kull wieħed fil-Kappara u l-Mosta, permezz ta’ aktar minn 90.8 kilometri ta’ cables ta’ 132 kV taħt l-art. F’dawn iċ-ċentri, il-vultaġġ jitniżżel għal 33 kV sabiex l-elettriku jkun jista’ jintbagħat lejn 21 ċentru tad-distribuzzjoni oħra ta’ 33 kV (substations primarji), 18 f’Malta, 2 f’Għawdex, u 1 f’Kemmuna. Din il-parti tan-netwerk tinkludi 339 kilometru ta’ cables ta’ 33 kV taħt l-art u 13-il kilometru ta’ cables ta’ 33 kV taħt il-baħar.

Kull ċentru tad-distribuzzjoni ta’ 33 kV iwassal il-provvista f’għadd ta’ ċirkwiti ta’ 11 kV, il-biċċa l-kbira f’konfigurazzjoni radjali, li jissupplixxu ’l fuq minn 1,580 substation ta’ 11 kV (substations sekondarji). Din il-parti tas-sistema tinkludi 1,245 kilometru ta’ kejbils ta’ 11 kV taħt l-art u ftit kilometri oħra ta’ linji ta’ vultaġġ għoli fil-għoli, il-biċċa l-kbira f’żoni rurali. Fejn huwa possibbli, qegħdin inneħħu l-linji ta’ vultaġġ għoli fuq l-arbli u nissostitwuhom b’cables taħt l-art, li huma anqas esposti għall-ħsarat bil-maltemp u diffikultajiet oħra.

Fis-substations sekondarji tagħna ta’ 11 kV, l-elettriku jitniżżel għal 400/230 V biex jissupplixxi l-proprjetajiet tal-klijenti tagħna, inklużi residenzi, negozji u bini ieħor, permezz ta’ netwerk ta’ cables taħt l-art u linji fuq l-arbli jew brackets ta’ erba’ wajers, ta’ vultaġġ baxx, three-phase.

Il-livelli tekniċi tas-servizzi tal-elettriku tagħna huma speċifikati fiċ-Charter tal-klijenti tagħna.