Speċifikazzjonijiet tas-servizz tekniku

Aħna impenjati li nagħtuk servizz mill-aqwa skont ir-regolamenti applikabbli u l-istandards internazzjonali.

Dawn huma l-livelli ta’ servizz tekniku tal-provvista tal-elettriku li nipprovdulek.

Vultaġġ tas-Sistema
In-netwerk tas-sistema tad-distribuzzjoni ta’ Malta jopera b’dawn il-vultaġġi nominali:

Vultaġġ Baxx (LV) 230 V – minn phase għal neutral
Vultaġġ Baxx (LV) 400 V – minn phase għal phase
Vultaġġ Medju (MV) 11,000 V (11 kV)
Vultaġġ Medju (MV) 33,000 V (33 kV)

L-inġiniera u t-tekniċi tagħna jimmonitorjaw u joperaw is-sistema tad-distribuzzjoni sabiex jiżguraw li l-vultaġġ tal-provvista tiegħek iżomm ma’ dawn il-livelli. Is-servizzi tal-elettriku residenzjali jiġu pprovduti permezz tal-medda ta’ vultaġġ baxx. It-tolleranza ta’ din il-medda għandha tkun ta’ 230 V +/- 10% (minn phase għal neutral). Il-vultaġġ li jirriżulta f’punti differenti tas-sistema jiddependi fuq bosta fatturi, iżda huwa mistenni li jkun skont it-tabella li ġejja, fi stat stabbli u f’kundizzjonijiet operattivi normali.

Vultaġġ nominali Tolleranza fi stat stabbli Vultaġġ tal-impuls
230 V (single phase) ±10% 6 kV
400 V (bejn il-phases) ±10% 6 kV
 11 kV (bejn il-phases) +5, -5% 75 kV
 33 kV (bejn il-phases)  +5, -10%  170 kV


Frekwenza tas-Sistema
Il-frekwenza nominali tal-vultaġġ tas-sistema tad-distribuzzjoni hija 50 Hz. Il-mira tagħna hija li nżommu ċ-ċaqliq fil-frekwenza kumulattiva fuq perjodu ta’ 30 jum kemm jista’ jkun qrib iż-żero. F’kundizzjonijiet operattivi normali, il-valur medju mkejjel fuq 10 sekondi tal-frekwenza fundamentali għandu jkun f’medda ta’:

50 Hz ± 1% (jiġifieri 49.5 sa 50.5 Hz) matul 99.5% ta’ sena;

50 Hz ± +4% (jiġifieri 47.5 sa 52.0 Hz) matul 100% tal-ħin.

Diffikultajiet fil-livelli tas-servizz
Jekk taħseb li l-livelli tal-vultaġġ u tal-frekwenza tas-servizz tagħna mhumiex fil-limiti speċifikati, inti mħeġġeġ tirrapporta t-tħassib tiegħek lit-tim ta’ Għajnuna lill-Klijenti tagħna immedjatament. Ir-rapport tiegħek jiġi investigat f’anqas minn 30 jum. Jekk ikun meħtieġ xi intervent biex insolvu d-diffikultajiet tiegħek, aħna nfittxu li nimplimentawhom mill-aktar fis possibbli, fi żmien 30 jum wara l-konklużjoni tal-investigazzjonijiet, sakemm ma jkunux meħtieġa xogħlijiet estensivi ta’ żvilupp tan-netwerk.

Kodiċi tan-Netwerk
Il-Kodiċi tan-Netwerk li huwa ppubblikat minn Enemalta plc bħala l-Operatur tas-Sistema tad-Distribuzzjoni f’Malta, jiddefinixxi l-kriterji tas-sigurtà teknika u r-regoli tekniċi li jistabbilixxu d-disinn tekniku u r-rekwiżiti operattivi minimi għall-konnessjoni mas-sistema ta’ installazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni, is-sistema tad-distribuzzjoni, direttament imqabbda mal-apparat tal-konsumatur, iċ-ċirkwiti tal-interconnector u l-linji diretti. Dan il-kodiċi jistabbilixxi r-regoli u l-obbligi operattivi minimi dwar is-sigurtà tan-netwerk u ċ-ċirkustanzi prevedibbli li fihom għandha tinżamm is-sigurtà.

Kodiċi tan-Netwerk
2018-11-26T09:26:00+02:00