Il-kejl tal-konsum tiegħek

Il-konsum tal-elettriku tiegħek jiġi mkejjel f’kilowatt kull siegħa (kWh). Kilowatt wieħed kull siegħa huwa l-ammont ta’ enerġija elettrika kkunsmata meta tixgħel apparat elettriku b’rata ta’ 1,000 watt kull siegħa. Fil-kont tiegħek, kilowatt wieħed kull siegħa huwa rrappreżentat bħala unità waħda.

Klijenti b’livelli għoljin ta’ konsum li huma mqabbdin permezz ta’ cables iddisinjati għal provvista tal-elettriku jirċievu qari f’kilovolt-ampere fis-siegħa (kVAh). Din l-unità tirrappreżenta enerġija elettrika ta’ 1,000 volt-amperes imxerrda kontinwament għal perjodu ta’ siegħa.

Il-konsum tiegħek tal-elettriku jiġi mkejjel permezz tal-meters tal-elettriku installati fil-proprjetà tiegħek. Inkejjlu l-konsum tal-elettriku permezz ta’ smart meters li huma kapaċi jittrasmettu minn għandek għal għandna bid-data tal-konsum tiegħek tal-elettriku. L-ismart meters jipprovduk ukoll b’informazzjoni addizzjonali, fosthom qari tal-konsum tiegħek ta’ kuljum billi sempliċement tagħfas buttuna. Dan sabiex jgħinek tosserva u tikkontrolla l-użu tiegħek tal-enerġija.

F’ċerti każijiet, ARMS jistgħu xorta waħda jkollhom bżonn jibagħtu uffiċjal li jaqra l-meter sabiex jieħu nota tal-qari tal-ismart meter tiegħek għal skopijiet ta’ kont. Jekk ma tagħtihx aċċess fil-proprjetà tiegħek, l-uffiċjal li jaqra l-meter iħalli nota li fiha jindika data għat-tieni appuntament. Jekk it-tieni darba jiġri l-istess, tirċievi nota li titolbok tissottometti l-qari lil ARMS fi żmien ħamest’ijiem. Wara dan il-perjodu tista’ xorta tissottometti l-qari tiegħek biex titlob kont aġġornat, iżda tariffa minima tkun applikabli. Għal iktar tagħrif dwar is-sottomissjoni tal-qari tal-konsum tiegħek, tista’ żżur is-sit elettroniku ta’ ARMS.

Il-meter tal-elettriku l-qodma
Jekk għadek bil-meter il-qadim installat fil-proprjetà tiegħek, inti mħeġġeġ tgħarraf lit-tim tagħna li joffri assistenza għall-klijenti sabiex jiġi mibdul ma’ smart meter. Sakemm il-meter tiegħek ma jinbidilx, l-uffiċjali li jaqraw il-meter se jibqaw iżuru l-proprjetà tiegħek b’mod regolari biex jieħdu nota tal-konsum tiegħek.

Flimkien ma’ ARMS, nistgħu noffrulkom servizzi online addizzjonali relatati mal- ismart meter tiegħek. Inżommukom aġġornati bid-dettalji dwar dawn is-servizzi.

Testijiet tal-meter
Jekk tissuspetta li l-meter tiegħek mhux qed jirreġistra l-konsum tal-elettriku b’mod korrett, tista’ tapplika għal test tal-meter billi tissottometti l-formula ta’ applikazzjoni rispettiva (He), flimkien mal-ħlas tat-tariffa applikabbli, lil ARMS. Aħna nimpenjaw ruħna sabiex nittestjaw il-meter tiegħek u ninfurmak dwar ir-riżultat fi żmien 30 jum mid-data tal-applikazzjoni għal dan is-servizz.

Jekk it-test jikkonferma li l-meter qiegħed jirreġistra l-konsum b’mod mhux korrett, il-ħlas tal-applikazzjoni jingħata lura fil-kont tiegħek u tittieħed azzjoni immedjata sabiex jissewwa jew jiġi mibdul il-meter. Enemalta tavża wkoll lil ARMS sabiex tirrevedi l-konsum ta’ qabel li ġie rreġistrat mill-meter u tirranġa l-kont tiegħek kif xieraq.