Meta ssir klijent ta’ Enemalta

Aktarx issir klijent ta’ Enemalta għall-ewwel darba mal-ewwel proprjetà tiegħek. Għaldaqstant, ikollok bżonn tapplika għal servizz ġdid tal-elettriku jew taqleb f’ismek servizz tal-elettriku ġa eżistenti.

Biex titlob servizz ġdid tal-elettriku (Formula ta’ Applikazzjoni Ae) jew biex taqleb f’ismek servizz ġa eżistenti (Formula ta’ Applikazzjoni F), inti mitlub timla l-formuli ta’ applikazzjoni rispettivi, tehmeż id-dokumenti meħtieġa u tibgħathom lil ARMS.

Formula ta’ Applikazzjoni Ae – Talba għal servizz ġdid tal-elettriku
Formula ta’ Applikazzjoni F – Reġistrazzjoni għal bidla tal-klijent

Aqra bir-reqqa dawn il-formuli ta’ applikazzjoni fosthom il-lista ta’ dokumenti li għandna bżonn nirċievu sabiex inkunu nistgħu nipproċessaw l-applikazzjoni tiegħek. Il-formuli jinkludu wkoll tagħrif dwar xi tariffi applikabli.

Kif taqleb kont ġa eżistenti 
Jekk ser tixtri proprjetà li għandha provvista tal-elettriku, is-sidien preċedenti jridu jimlew u jiffirmaw il-partijiet rilevanti tal-Formula ta’ Applikazzjoni F u jħallsu l-ammont dovut li baqa’ pendenti fuq il-kont tagħhom sad-data tal-kuntratt ta’ bejgħ. Jekk is-sidien preċedenti tal-proprjetà li ser tixtri, ma jħallsux il-kontijiet pendenti tad-dawl u l-ilma ma’ ARMS, ma tkunx tista’ taqleb il-kont fuq ismek.

Kif nagħtuk il-provvista
Qabel ma tapplika għal servizz ġdid, kun żgur li ċ-ċirkwiti elettriċi interni huma konformi mal-istandards u regolamenti hekk kif stabbiliti fir-Regolamenti dwar il-Provvista tal-Elettriku (L.S. 545.01), ir-Regolament dwar l-Installazzjonijiet tal-Elettriku (L.S. 545.39) u lKodiċi tan-Network. Jeħtieġ ukoll li tipprovdilna spazju adegwat sabiex ninstallaw il-kaxxa tal-main fuse tad-dawl, il-meter tal-elettriku u appart ieħor meħtieġ ghas-servizz tiegħek tal-elettriku. Dan l-ispazju jeħtieġ Ii jkun kemm jista’ jkun possibli qrib id-daħla tal-proprjetà. F’ċerti każijiet, nistgħu wkoll ngħaddulek istruzzjonijiet preċiżi dwar il-post fejn għandhom jitwaħħlu kemm il-kaxxa tal-main fuse tad-dawl kif ukoll il-meter tal-elettriku, skont il-leġislazzjoni applikabli.

Ladarba l-applikazzjoni tiegħek għal servizz ġdid tiġi pproċessata u jitħallsu t-tariffi kollha applikabli, nipprovduk bi provvista tal-elettriku mill-iktar fis possibli fi żmien 21 jum. Dan sakemm ma jkunux meħtieġa xogħlijiet addizzjonali fl-iżvilupp tan-network. Ix-xogħlijiet addizzjonali fl-iżvilupp tan-network huma meħtieġa f’żoni fejn it-talba għal servizz ġdid ma tintlaħaqx min-network eżistenti, jew il-kapaċità eżistenti tan-network teħtieġ tiġi estiża sabiex takkomoda s-servizzi li għandek bżonn.

Dawn ix-xogħlijiet jistgħu jinkludu l-estensjoni jew l-installazjonijiet ta’ linji ta’ barra ġodda jew cables ta’ taħt l-art u kull apparat ieħor ta’ trasmissjoni meħtieġ sabiex jagħtik provvista xierqa. F’sitwazzjonijiet bħal dawn, ikollna bżonn iktar żmien sabiex nipprovduk bi provvista skont x’jinvolvu x-xogħlijiet.

Għal konnessjoni tiegħek, kultant nużaw ukoll materjal addizzjonali u apparat speċifiku. Jekk dak ikun il-każ, nagħtuk stima tal-ispejjeż meħtieġa fi żmien 30 ġurnata tax-xogħol mid-data tal-validazzjoni tal-applikazzjoni. Ladarba tħallas dawn l-ispejjeż addizzjonali (skont iż-żmien stipulat), jibdew ix-xogħiljiet meħtieġa ħalli nipprovdulek il-provvista tal-elettriku mill-iktar fis possibli. Jekk ma taqbilx ma’ dawn l-ispejjeż addizzjonali, tista’ tikkanċella l-applikazzjoni tiegħek jew tmexxi l-każ tiegħek lir-Regolatur għasServizzi tal-Enerġija u l-Ilma għall-evalwazjoni tagħhom. Malli l-applikazzjoni tiġi kkanċellata, nagħtuk lura xi spejjeż imħallsa, bl-eċċezzjoni tat-tariffa amministrattiva tal-ipproċessar.

Sib iktar dettalji dwar is-servizzi tagħna tal-elettriku fiċ-Charter tagħna għall-klijenti.
2018-11-29T06:50:43+02:00