Ċertifikazzjoni ISO 14001

L-ISO 14001 huwa standard rikonoxxut internazzjonalment li jispeċifika l-aħħar rekwiżiti għal EMS. Dan jippermetti organizzazzjoni li:

  • tistabbilixxi u timplimenta politika ambjentali;
  • tidentifika l-impatti ambjentali li joriġinaw mill-attivitajiet tal-organizzazzjoni;
  • tistabbilixxi u timplimenta għadd ta’ objettivi;
  • tieħu l-azzjoni neċessarja biex ittejjeb il-prestazzjoni tagħha.

Organizzazzjoni tingħata ċ-ċertifikat ISO 14001 meta l-EMS tagħha tissodisfa r-rekwiżiti ta’ dan l-istandard internazzjonali. Permezz ta’ proċess elaborat ta’ valutazzjoni, l-organizzazzjoni tkun trid tipprova li l-EMS li tkun qiegħda timplimenta jkun konformi mal-aħħar rekwiżiti ta’ dan l-istandard.

L-għan tal-istandard ISO 14001 huwa li jipprovdi l-elementi prinċipali għal Sistema ta’ Ġestjoni Ambjentali effettiva, li tappoġġa l-protezzjoni tal-ambjent u l-minimizzazzjoni u l-prevenzjoni tat-tniġġis ambjentali.

Il-proċess ta’ ċertifikazzjoni tal-ISO 14001 jitwettaq minn awdituri esterni minn korp ta’ ċertifikazzjoni akkreditat. Iċ-ċertifikazzjoni tibqa’ valida għal tliet snin. F’dan il-perjodu, l-awdituri esterni jwettqu awditi ta’ sorveljanza annwali biex jikkonfermaw li s-sistema tkun miżmuma b’mod xieraq u li jkun hemm titjib kontinwu kif mitlub mill-Istandard.

Waqt l-awditi taċ-ċertifikazzjoni, l-awdituri:

  • Jeżaminaw il-politika, l-objettivi, u l-programm ta’ titjib ambjentali tagħna;
  • Jeżaminaw il-metodu li nużaw biex nidentifikaw l-aspetti ambjentali sinifikanti;
  • Jikkonfermaw li l-obbligi legali kollha jkunu ġew identifikati u jkunu qed jiġu rrispettati;
  • Jiċċekkjaw id-dokumentazzjoni kollha tal-EMS – legali, teknika u amministrattiva;
  • Janalizzaw il-proċeduri operattivi standard u jikkonfermaw il-kompatibbiltà tas-sistemi ta’ ħidma;
  • Iwettqu awditi fuq il-post;
  • Jintervistaw impjegati minn livelli differenti fi ħdan il-ġerarkija tal-organizzazzjoni.