2018 – 2019
investimenti għat-tisħiħ tan-netwerk

Qegħdin nimplimentaw diversi proġetti infrastrutturali ġodda sabiex inżommu l-impenji tagħna ta’ tisħiħ tan-netwerk f’Malta u Għawdex matul il-ftit snin li ġejjin. Ġew allokati baġits li jaqbżu €20 miljun għal dan it-titjib.

Affidabbiltà mtejba tan-netwerk f’Marsaxlokk u Birżebbuġa: Qegħdin nirduppjaw il-kapaċità taċ-ċentru tad-distribuzzjoni eżistenti tagħna ta’ 33 kV f’Ħal Far sabiex inżidu r-redundancy tan-netwerk f’din iż-żona industrijali u fil-lokalitajiet ta’ Marsaxlokk u Birżebbuġa. Dan l-investiment se jipprovdi wkoll kapaċità miżjuda lil diversi kumpaniji tal-manifattura li qegħdin jinvestu f’impjanti u makkinarju ġodda f’din iż-żona matul il-ftit snin li ġejjin.

Il-proġett jinkludi wkoll iż-żieda ta’ aktar minn 30 kilometru ta’ kejbils ta’ 33 kV u kejbils ta’ 11 kV sabiex iżid il-flessibbiltà tal-konnessjonijiet tagħna bejn il-Power Station ta’ Delimara u ċ-ċentri tad-distribuzzjoni u s-substations li jissupplixxu lil Marsaxlokk u lil Birżebbuġa.


Titjib tal-provvista tal-elettriku għaż-żona ta’ San Ġiljan: 
Matul l-2018 u l-2019 qegħdin nimplimentaw titjib maġġuri fiż-żewġ ċentri tad-distribuzzjoni ta’ 33 kV li jissupplixxu lil San Ġiljan u l-lokalitajiet fil-qrib. Din iż-żona esperjenzat tkabbir rapidu f’dawn l-aħħar snin, u bosta żviluppi residenzjali u kummerċjali estensivi oħra huma mistennija li jidħlu fis-seħħ dalwaqt.

© viewingmalta.com

Tisħiħ ta’ ħolqa ewlenija tan-netwerk: Se nkunu qegħdin ninstallaw transformer ġdid biex nirduppjaw il-kapaċità taċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni ta’ 132 kV fil-Kappara, li jissupplixxi diversi ċentri tad-distribuzzjoni ta’ 33 kV fir-reġjun. Din l-installazzjoni tgħaqqad ukoll it-Terminal tal-Interconnector bejn Malta u l-Italja fil-Magħtab man-netwerk tad-distribuzzjoni ta’ vultaġġ għoli tal-pajjiż. L-investiment tagħna fil-ftit snin li ġejjin se jżid il-flessibbiltà u l-affidabbiltà ta’ din il-konnessjoni kruċjali, u b’hekk ikompli jnaqqas ir-riskju ta’ qtugħ fil-provvista minħabba diffikultajiet tan-netwerk.


Titjib taċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni ta’ Marsaskala: 
Matul l-2018 se nkunu qegħdin inniedu proġett sabiex intejbu ċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni ta’ 33 kV f’Marsaskala. Permezz tal-introduzzjoni ta’ transformers u switchgear ġodda, qegħdin inżidu l-kapaċità ta’ din il-ħolqa tan-netwerk sabiex niżguraw is-sigurtà tal-provvista f’din il-lokalità ħdejn il-baħar li qiegħda tikber.   


Konnessjonijiet ġodda tal-provvista tal-elettriku għal Għawdex: Qegħdin ninstallaw 10 kilometri ta’ kejbils ġodda ta’ vultaġġ għoli ta’ taħt l-art fil-Mellieħa biex jieħdu post il-linji tal-elettriku fil-għoli li jissupplixxu l-elettriku lil Għawdex.

Dan l-investiment ta’ €1.6 miljun qed itejjeb l-affidabbiltà u s-sigurtà tan-netwerk tad-distribuzzjoni tal-elettriku li jissupplixxi l-gżira ta’ Għawdex. Is-sostituzzjoni tal-linji tal-elettriku fil-għoli l-qodma ta’ 33 kV b’kejbils ġodda taħt l-art tnaqqas ir-riskju ta’ ħsarat bil-maltemp u diffikultajiet oħra assoċjati mal-operazzjoni, it-tiswija u l-manutenzjoni tal-linji tal-elettriku fil-għoli. Din twassal ukoll għall-eliminazzjoni tal-impatt viżwali ta’ dawn il-wajers fil-għoli u l-arbli tagħhom tul kilometri ta’ kampanja fil-Mellieħa.

Bħala parti minn dawn ix-xogħlijiet, l-Enemalta qiegħda żżid ukoll il-kapaċità taż-żona tal-Bajja tal-Mellieħa bl-iżvilupp ta’ substation ġdida ta’ 11 kV.


Awtomatizzazzjoni: 
Qed naħdmu wkoll biex intejbu l-iswitchgear f’aktar minn 1,400 substation ta’ 11 kV għad-distribuzzjoni tal-elettriku madwar il-Gżejjer Maltin. Dan l-investiment qiegħed ipoġġi s-sisien għall-awtomatizzazzjoni sħiħa ta’ dawn is-substations. Din se tiffaċilita l-operazzjonijiet ta’ xegħil mill-bogħod u tnaqqas id-dewmien u l-frekwenza tal-qtugħ tal-provvista tal-elettriku minħabba operazzjonijiet ta’ manutenzjoni jew diffikultajiet tan-netwerk. Dan it-titjib qiegħed jipprovdi wkoll miżuri addizzjonali ta’ sikurezza lill-inġiniera u t-tekniċi li jaħdmu f’dawn is-substations.