2014 – 2017
investimenti għat-tisħiħ tan-netwerk

L-2014 immarkat il-bidu ta’ wieħed mill-aktar investimenti estensivi tan-netwerk fl-istorja tal-elettriku f’Malta. Diversi titjibiet kritiċi ġew mgħaġġla sabiex jitlestew fi żmien tliet snin, u b’hekk stajna niżviluppaw ir-riżorsi meħtieġa sabiex tintlaħaq id-domanda dejjem tiżdied għall-elettriku f’bosta żoni residenzjali, kummerċjali u industrijali differenti ta’ Malta u Għawdex.

Hekk kif iż-żieda fil-popolazzjoni u t-tkabbir ekonomiku komplew jimbuttaw ’il fuq il-livell tal-konsum tal-elettriku, aħna investejna ’l fuq minn €100 miljun f’dawn il-proġetti kapitali bejn l-2014 u l-2017.

Iċ-Ċentru tad-distribuzzjoni ta’ Ricażoli : Dan huwa s-sitt ċentru tad-distribuzzjoni ġdid miżjud mal-grid nazzjonali tal-elettriku minn mindu bdejna l-Proġett ta’ Tisħiħ tan-Netwerk fl-2014, li tella’ l-għadd totali ta’ ċentri tad-distribuzzjoni f’Malta u Għawdex għal 26. Iċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni l-ġdid ta’ Rikażli jinkludi tliet transformers ta’ 22.5 MVA, switchgear ta’ 33 kV u ta’ 11 kV u tagħmir ieħor relatat sabiex itejjeb il-kwalità tas-servizzi tagħna lill-klijenti fil-Kalkara, ix-Xgħajra u lokalitajiet oħra fil-qrib, filwaqt li jipprovdi riżorsi ddedikati u kapaċità addizzjonali tan-netwerk qabel investimenti maġġuri ġodda fi SmartCity Malta fil-viċin.


Iċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni fl-Imrieħel: Din l-installazzjoni ġdida, ikkummissjonata fl-2017, tinkludi switchgear room ta’ 33 kV li tikkontrolla l-feeder cables ta’ vultaġġ għoli li deħlin u transformer ta’ 15/22.5 MVA biex iniżżel l-elettriku għal 11 kV. Switchgear room ta’ 11 kV tikkontrolla 10 outgoing feeders, li jfornu l-elettriku lil diversi substations ta’ 11 kV fiż-żona u f’lokalitajiet fil-qrib, qabel jiġi distribwit lill-klijenti fi proprjetajiet residenzjali u kummerċjali differenti.

Dan iċ-ċentru tad-distribuzzjoni jirrinforza l-affidabbiltà tas-servizz lill-klijenti residenzjali u kummerċjali eżistenti fiż-Żona Industrijali tal-Imrieħel u l-inħawi fil-qrib. Fl-istess ħin, huwa qiegħed jipprovdi l-kapaċità addizzjonali neċessarja sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ta’ diversi investimenti industrijali u kummerċjali fuq skala kbira li qed jiġu żviluppati fil-qrib

 


Iċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni Marsa North: Il-Power Station tal-Marsa, li ntfiet sabiex tiġi żarmata f’Marzu 2015, kienet ukoll ħolqa kruċjali fin-netwerk tad-distribuzzjoni nazzjonali. Aħna żviluppajna ċentru tad-distribuzzjoni ġdid ta’ 33 kV f’sit fil-qrib, biex jieħu post u jtejjeb it-tagħmir tad-distribuzzjoni li eventwalment ġie żarmat flimkien mal-installazzjonijiet tal-ġenerazzjoni tal-elettriku tal-power station.

Dan iċ-ċentru tad-distribuzzjoni l-ġdid ħa post il-ħolqa tan-netwerk fil-Power Station tal-Marsa fl-2016. Permezz tat-tieni fażi ta’ dan il-proġett li tlestiet fl-2017, dan iċ-ċentru tad-distribuzzjoni ġie mkabbar bi transformers ġodda, shunt reactors u switchgear ta’ 132 kV, biex tiġi żviluppata ħolqa tan-netwerk ġdida ta’ 132 kV minbarra t-tlieta eżistenti li jinsabu fil-Mosta, il-Kappara u f’parti oħra tal-Marsa.


Iċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni fix-Xewkija: L-iżvilupp tat-tieni ċentru tad-distribuzzjoni ta’ 33 kV fil-gżira ta’ Għawdex saħħaħ in-netwerk tal-elettriku f’dan ir-reġjun u pprovdielna redundancy akbar għaċ-ċentru tad-distribuzzjoni eżistenti fil-Qala.

Iċ-ċentru tad-distribuzzjoni l-ġdid jinkludi żewġ transformers ta’ 30 MVA 33/11kV, switchgear ta’ 33 kV li jikkontrolla l-kejbils ta’ 33 kV li jfornu l-elettriku minn Malta u switchgear ta’ 11 kV biex iforni l-elettriku lil partijiet differenti tal-gżira.

Iċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni tax-Xewkija ġie enerġizzat matul l-ewwel kwart tal-2016.

 


Iċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni f’St. Andrew’s: Iċ-ċentru tad-distribuzzjoni ta’ 33 kV f’St. Andrew’s, ikkummissjonat fl-2016, tejjeb il-kwalità tas-servizzi tal-elettriku tagħna fil-Magħtab, is-Swieqi, il-Madliena, Pembroke u St. Julian’s. Huwa jinkludi żewġ transformers ta’ 22.5 MVA 33/11 kV, switchgear ta’ 33 kV, switchgear ta’ 11 kV għal 10 outgoing feeders u t-tagħmir ta’ protezzjoni u kontroll relatat.

 


Iċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni f’Manoel Island: 
Il-bini ta’ dan iċ-ċentru tad-distribuzzjoni beda fl-2005 iżda minħabba għadd ta’ diffikultajiet, ma setax jitlesta u jiġi enerġizzat. Fl-2014, aħna ddisinjajna mill-ġdid dan iċ-ċentru tad-distribuzzjoni, wettaqna x-xogħlijiet strutturali neċessarji u bdejna l-installazzjoni tat-tagħmir tiegħu, inklużi tliet transformers ta’ 22.5 MVA 33/11 kV, switchgear ta’ 33 kV u switchgear ta’ 11 kV li jikkontrollaw 13-il feeder li jipprovdu provvista tal-elettriku lil numru ta’ lokalitajiet, fosthom l-Imsida, Ta’ Xbiex, Il-Gżira, Manoel Island, Tas-Sliema, u San Ġwann.

Iċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni ta’ Manoel Island ġie kkummissjonat matul it-tieni kwart tal-2016.


Iċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni Marsa South:
Waħda miż-żewġ switchgear rooms ta’ 11 kV fiċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni Marsa South ġarrbet ħsara kbira fi ħruq fit-12 ta’ Awwissu 2014. Immedjatament wara dan l-inċident, aħna bdejna naħdmu biex insewwu l-ħsara u ntejbu l-istruttura ta’ dan iċ-ċentru tad-distribuzzjoni. Inbniet switchgear room ġdida u ġiet mgħammra b’apparat ġdid tal-iswitchgear. Dawn ix-xogħlijiet ta’ bini mill-ġdid u titjib tlestew sal-aħħar tal-2015.


Iċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni fil-Mellieħa: Iċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni ta’ 33 kV fil-Mellieħa, ikkummissjonat fin-1970s, ġie mtejjeb sabiex jipprovdi l-kapaċità addizzjonali meħtieġa f’din il-lokalità wara snin ta’ żieda rapida fiċ-ċifri tal-popolazzjoni u t-turiżmu. Aħna installajna żewġ transformers ġodda ta’ 22.5 MVA biex jieħdu post dawk eżistenti, li kellhom rating ta’ 10 MVA. L-iswitchgear room oriġinali ta’ 11 kV inbniet mill-ġdid ukoll u ġiet mgħammra b’sistemi ġodda ta’ swiċċijiet, protezzjoni u kontroll sabiex jiffaċilitaw l-operazzjonijiet u jżidu l-flessibbiltà tan-netwerk. It-titjib tlesta fl-2016.


Iċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni f’Santa Venera: 
Dan iċ-ċentru tad-distribuzzjoni ġie mtejjeb sabiex jipprovdi livell imtejjeb ta’ servizz lill-klijenti f’Santa Venera, l-Imrieħel, Birkirkara u Ħal Qormi. Il-proġett kien jinkludi l-installazzjoni ta’ transformer ġdid ta’ 33/11 kV 30 MVA, switchgear addizzjonali ta’ 11kV li jforni 12-il outgoing feeder kif ukoll it-tagħmir relatat ta’ protezzjoni u kontroll.

 

Titjib fin-netwerk ta’ 33 kV u 11 kV:L-investiment għat-tisħiħ tan-netwerk fis-snin 2014 – 2017 kien jinkludi wkoll l-iżvilupp ta’ aktar minn 200 konnessjoni addizzjonali ta’ kejbils ta’ vultaġġ għoli taħt l-art f’ħoloq differenti tan-netwerk. Intużaw ’il fuq minn 100 kilometru ta’ kejbils ta’ 33 kV u 11 kV iżolati bl-XLPE sabiex jinħolqu dawn il-konnessjonijiet.

Dawn il-links ġodda fin-netwerk jgħinuna nħaffu l-load minn fuq il-konnessjonijiet eżistenti sabiex innaqqsu r-riskji ta’ diffikultajiet fin-netwerk li jikkawżaw interruzzjonijiet fis-servizz. Huma jikkontribwixxu wkoll biex inaqqsu d-dewmien tal-qtugħ fil-provvista tal-elettriku għall-klijenti tal-Kumpanija, meta jkunu meħtieġa xogħlijiet ta’ tiswija jew manutenzjoni tan-netwerk.