Enemalta tlesti t-tħaffir ta’ mina bejn il-Marsa u Ħal Qorm

11.11.2017

Enemalta plc għadha kif lestiet it-tħaffir ta’ mina ta’ 1.8 kilometri biex tgħaqqad iċ-ċentru tad-distribuzzjoni ġdid li għandha fil-Marsa mas-sistema ta’ vultaġġ għoli li twassal l-elettriku mill-power stations lejn il-ħoloq ewlenin tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku tal-pajjiż.

F’din il-mina, il-Kumpanija se tqiegħed cables ġodda biex testendi s-sistema ta’ 132 kilovolt (kV) tal-pajjiż. Dan il-proġett huwa parti minn investiment multi-miljunarju biex tizdied il-kapaċità tas-sistema tad-distribuzzjoni li tissuplixxi l-elettriku lill-klijenti fil-lokalitajiet fl-inħawi tal-Port il-Kbir u lilhinn minnu.

Din il-ġimgħa, grupp ta’ ħaddiema użaw makkinarju speċjalizzat (roadheader) sabiex lestew it-tħaffir tal-mina l-ġdida billi nifdu f’mina ezistenti f’Ħal Qormi. Inġ. Fredrick Azzopardi, Ċermen Ezekuttiv ta’ Enemalta plc flimkien mat-tmexxija tal-Kumpanija, laqgħu lill-ħaddiema hekk kif nifdu u ħarġu mill-mina.

Waqt din il-ħidma, tqattgħu u nġarru aktar minn 58,000 tunnellata ta’ blat sabiex titħaffer il-mina b’wisgħa ta’ ħames metri, mis-sit fejn qabel kien hem il-Marsa Power Station sa mina eżistenti taħt l-art f’Ħal Qormi. Matul ir-rotta, inġiniera, periti, ġeologi u ħaddiema tekniċi segwew it-tħaffir biex jidentifikaw u jwettqu diversi interventi strutturali li kienu meħtieġa biex isaħħu l-istabbilità tal-mina.

Għaxar kilometri ta’ cables ta’ 132 kV ser jitpoġġew fil-mina l-ġdida u f’mini oħra eżistenti ta’ Enemalta biex iċ-ċentru tad-distribuzzjoni l-ġdid Marsa North jingħaqad mal-kumplament tan-network ta’ 132 kV tal-pajjiż. Din is-sistema ta’ vultaġġ għoli twassal l-elettriku mil-power stations ta’ Delimara u mill-Interconnector ta’ bejn Malta u l-Italja lejn il-ħoloq ewlenin tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku nazzjonali il-Kappara, l-Mosta u l-Marsa. Minn hawnhekk, l-elettriku jibda jitbaxxielu l-vultaġġ f’għadd ta’ ċentri tad-distribuzzjoni u substations oħra, sakemm jilħaq il-livelli meħtieġa mill-klijenti ta’ Enemalta plc fi djar, negozji u binjiet oħra f’Malta u Għawdex.

Iċ-ċentru tad-distribuzzjoni Marsa North, li jinsab fl-inħawi tal-Għolja tal-Ġiżwiti fil-Marsa, tlesta iktar kmieni din is-sena u bħalissa qed jirċievi u jiddistribwixxi elettriku b’vultaġġ ta’ 33 kV. Hekk kif jitqabbad mas-sistema ta’ 132 kV, dan iċ-ċentru tad-distribuzzjoni ser ikun wieħed mill-ħoloq prinċipali tas-sistema tal-pajjiż, waqt li jipprovdi aktar kapaċità u affidabilità f’każ ta’ xi diffikultà. Qabel ma sar dan l-investiment, din il-konnessjoni kienet ipprovduta minn apparat antik li kien jinsab f’dik li kienet il-Marsa Power Station. Dan l-istazzjoni tal-1953 kien dikjarat magħluq iktar kmieni din is-sena u bħalissa qed jiġi żarmat.

Inġ. Azzopardi rringrazzja lill-impjegati u l-kuntratturi tal-Kumpanija għall-impenn tagħhom sabiex jitlesta l-proġett. “Din il-ħidma hija pass ieħor ‘il quddiem fit-tisħiħ tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku tal-pajjiż, hekk kif inkomplu nżidu l-affidabilità tas-servizzi tagħna, innaqqsu r-riskji ta’ qtugħ fil-provvista u nilqgħu għaż-żieda fid-domanda għall-elettriku. F’dawn l-aħħar snin investejna iktar minn mitt miljun ewro fi proġetti ta’ tisħiħ tan-network, fost oħrajn bil-bini ta’ sitt ċentri tad-distribuzzjoni ġodda u biż-żieda ta’ iktar minn mitt kilometru ta’ cables ta’ vultaġġ għoli taħt l-art.”

“Minbarra ħidmiet oħra li għaddejjin bħalissa, għadna kif ħabbarna wkoll investiment ieħor ta’ €20 miljun fi proġetti sabiex insaħħu s-sistema tal-elettriku ġewwa ż-żona industrijali ta’ Ħal Far, f’Wied il-Għajn u l-lokalitajiet tal-inħawi, kif ukoll fir-reġjun ta’ San Ġwann, Pembroke u San Ġiljan. Permezz ta’ dawn il-proġetti ser nirduppjaw il-kapaċità tas-sistemi tal-elettriku sabiex nilqgħu bil-quddiem għad-domanda tal-elettriku f’dawn il-partijiet ta’ Malta, li mistennija tkompli tiżdied hekk kif diversi żviluppi kummerċjali, industrijali u residenzjali ġodda mistennija jitlestew fis-snin li ġejjin,” temm jispjega l-Inġ. Azzopardi.