Avviż dwar il-privatezza – Konsumaturi tal-Elettriku

Aħna, Enemalta plc (“Enemalta”), kumpanija pubblika bin-numru ta’ reġistrazzjoni C 65836 u bl‑indirizz reġistrat Triq Belt il-Ħażna, Marsa, MRS 1571, Malta, nipproċessaw id-data personali tiegħek bl-għan li nipprovdulek is-servizz tal-elettriku.

Aħna nikkommettu ruħna li nirrispettaw il-privatezza tiegħek.

Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar l-ipproċessar tad-data personali tiegħek inti mitlub/a tikkuntattja lill-Enemalta fuq l-indirizz Bini Amministrattiv, il-Moll tal-Knisja, il-Marsa, MRS 1000, jew permezz tal‑indirizz elettroniku fuq  [email protected] jew bit-telefown fuq 8000 2224.

L-Uffiċjal responsabbli mill-Protezzjoni tad-Data tal-Enemalta jista’ jiġi kkuntattjat permezz tal-email [email protected] jew bit-telefown fuq +356 2298 0583.

L‑Automated Revenue Management Services Limited (“ARMS Ltd”), kumpanija mwaqqfa skont il‑liġijiet ta’ Malta, bin‑numru ta’ reġistrazzjoni C 46054 u bl‑indirizz reġistrat, Gattard House, Triq Nazzjonali, Il‑Blata l‑Bajda, ĦMR 9010, ġiet maħtura minna bħala proċessur tad‑data personali tiegħek bl‑għan li tipprovdi l‑qari tal‑arloġġi, iż‑żamma tal‑kontijiet, għas‑servizzi tal‑ġbir ta’ pagamenti u funzjonijiet oħra anċillari ma’ tali servizzi.

Bħala proċessur tagħna, ARMS Ltd tipproċessa biss id-data personali tiegħek għan-nom tagħna u fuq l-istruzzjonijiet tagħna.

ARMS Ltd tista’ tiġi kkuntattjata fuq l‑indirizz indikat hawn fuq jew permezz tal‑email [email protected] jew bit‑telefown fuq 8000 2222. L‑Uffiċjal responsabbli mill‑Protezzjoni tad‑Data ta’ ARMS Ltd jista’ jiġi kkuntattjat fuq l-email [email protected] jew fuq in‑numru tat‑telefown +356 2245 2725. 

Jekk jogħġbok aqra bir‑reqqa l‑Avviż Dwar il‑Privatezza sabiex tifhem il‑prattiċi tagħna vis‑à‑vis id‑data personali tiegħek.

Aħna nistgħu naġġornaw dan l‑Avviż Dwar il‑Privatezza fid‑diskrezzjoni tagħna u b’riżultat ta’ bidla fil‑liġi applikabbli jew attivitajiet tal‑ipproċessar. Aġġornamenti b’riżultat ta’ bidla fil-liġi jew attivitajiet tal-ipproċessar jiġu kkomunikati lilek qabel il‑bidu tal‑attività rilevanti tal‑ipproċessar.

Sakemm aħna nżommu d‑data personali tiegħek, id‑drittijiet fir‑rigward tad‑data personali tiegħek huma s‑segwenti:

  • Id‑dritt ta’ aċċess mis‑suġġett tad‑data – għandek id‑dritt li tivverifika d‑data personali li aħna nżommu dwarek u li tirċievi kopja ta’ din id‑data personali,
  • Id‑dritt għal tħassir – f’ċerti ċirkostanzi tista’ titlobna li nħassru d‑data personali li għandna dwarek,
  • Id‑dritt ta’ oġġezzjoni – għandek id‑dritt li toġġezzjona u li titlob li nwaqqfu l‑ipproċessar tad‑data personali tiegħek fejn aħna niddependu fuq l‑interessi leġittimi tagħna jew ta’ terzi persuni għall‑ipproċessar tad‑data personali tiegħek jew ta’ kompitu mwettaq fl‑interess pubbliku,
  • Id‑dritt għall‑portabbilità tad‑data – tista’ titlob li aħna nipprovdulek ċerta data personali li stajt għaddejt lilna, f’format strutturat, li huwa komuni u li jista’ jinqara minn magna. Fejn teknikament fattibbli, tista’ wkoll titlob li nittrasmettu tali data personali lill‑kontrollur ta’ terzi persuni indikat minnek,
  • Id‑dritt għar‑rettifika – għandek id‑dritt li taġġorna jew tikkoreġi kwalunkwe data personali li mhix preċiża li aħna nżommu dwarek,
  • Id‑dritt għar‑restrizzjoni tal‑ipproċessar – għandek id‑dritt li titlob li nwaqqfu l‑użu tad‑data personali tiegħek f’ċerti ċirkostanzi inkluż jekk inti temmen li aħna qed nipproċessawha illegalment jew jekk id‑data personali li għandna dwarek mhix preċiża,
  • Id‑dritt li tirtira l‑kunsens tiegħek – fejn l‑ipproċessar tagħna huwa bbażat fuq il‑kunsens tiegħek, għandek id‑dritt li tirtira l‑kunsens tiegħek. L‑irtirar tal‑kunsens tiegħek m’għandux jaffettwa l‑legalità tal‑ipproċessar ibbażat fuq il‑kunsens tiegħek qabel l‑irtirar tal‑kunsens tiegħek,
  • Id‑dritt li tkun infurmat dwar is‑sors – fejn id‑data personali li għandna dwarek ma ġietx ipprovduta lilna direttament minnek, jista’ jkollok ukoll id‑dritt li tkun infurmat dwar is‑sors li minnu toriġina d‑data personali tiegħek.

Id‑drittijiet tiegħek fir‑rigward tad‑data personali tiegħek mhumiex assoluti.

Jekk beħsiebek teżerċita wieħed jew aktar mid-drittijiet tiegħek, għandek tavviċina lill-Enemalta fuq il-kuntatti imsemmija iżjed qabel. Tista’ wkoll tikkuntattja lill-ARMS Ltd, li tidderieġi t-talba tiegħek lill-Enemalta.

M’għandekx għalfejn tħallas tariffa biex ikollok aċċess għad‑data personali tiegħek (jew biex teżerċita xi drittijiet oħra speċifikati hawn fuq). Madankollu, aħna nistgħu nitolbu ħlas raġonevoli jekk it‑talba tiegħek tkun manifestament bla bażi jew eċċessiva, b’mod partikolari minħabba natura ripetittiva.  F’dawn iċ‑ċirkostanzi, aħna nirriżervaw id‑dritt li nirrifjutaw li nilqgħu t‑talba tiegħek.

Nistgħu nitolbu informazzjoni speċifika mingħandek sabiex tgħinna nikkonfermaw l‑identità tiegħek u nassiguraw id‑dritt tiegħek li jkollok aċċess għad‑data personali tiegħek (jew li teżerċita kwalunkwe drittijiet oħra tiegħek). Din hija miżura ta’ sigurtà biex tiżgura li d‑data personali ma tiġix żvelata lil kwalunkwe persuna li m’għandhiex dritt li tirċiviha. Nistgħu wkoll nikkuntattjawk biex nitolbuk aktar informazzjoni fir‑rigward tat‑talba tiegħek biex tħaffef it‑tweġiba tagħna.

Aħna kontinwament nieħdu l‑miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa biex inżommu d‑data tiegħek sigura u nħarsuha kontra l‑ipproċessar mhux awtorizzat jew illegali, inkluż kontra telf aċċidentali, qerda, ħażna jew aċċess. Id‑data personali tiegħek tinżamm ġo fajls tal‑karti jew elettronikament fuq is‑sistemi tat‑teknoloġija tagħna jew fuq is‑sistemi tat‑teknoloġija tal‑fornituri tal‑IT tagħna.

Jekk għandek xi lmenti dwar l‑ipproċessar tad‑data personali tiegħek, inti ġentilment mitlub/a li tikkuntattjana jew tikkuntattja l‑Uffiċjal tal‑Protezzjoni tad‑Data tagħna fid‑dettalji indikati ftit qabel. Int għandek ukoll id‑dritt li tippreżenta lment mal‑Uffiċċju tal‑Kummissarju għall‑Informazzjoni u l‑Protezzjoni tad‑Data f’Malta (http://www.idpc.gov.mt).

It‑terminu “data personali” jirreferi għal kull informazzjoni li biha persuna tista’ tkun identifikata, bħal isem, kunjom, l‑indirizz u informazzjoni dwar kontijiet li tinkludi kull informazzjoni li tista’ tiġi mitluba.

Bħala entità li tipprovdi s-servizz tad-dawl, aħna regolarment niġbru data personali abbażi tas-servizzi tagħna u l-obbligi legali tagħna.

Tipikament, niġbru data personali:

  • Minn formoli mimlija u mibgħuta lilna jew lill-ARMS Ltd,
  • Mis-siti elettroniċi tagħna jew tal-ARMS Ltd,
  • Mis-social media taż-żewġ entitajiet li juża’ l-individwu sabiex jikkomunika mal-entità rispettiva,
  • Mit-telefonati/emails/żjarat li jidħlu fid-Dipartiment tas-Servizzi għall-Konsumatur tagħna jew tal-ARMS Ltd.

Ġeneralment, int tkun ipprovdejt id‑data personali tiegħek direttament lilna jew ġiet mgħoddija data personali tiegħek mingħand is‑sid tal‑kont jew permezz tal‑kumpanija ARMS Ltd. Inti wkoll mitlub ġentilment li tinfurmana kull meta jkun hemm tibdil fid-data personali tiegħek.

Id‑data personali tal‑konsumaturi li ġeneralment niġbru u nipproċessaw tinkludi:

  • Isem,
  • Kunjom,
  • Numru tal‑Karta tal‑Identità/numru tal‑Passaport u n-numru tad-dokument assoċjat (dan id-dokument jintuża biex tiġi vverifikata l-identità tal-individwu: (i) fl-uffiċċji tagħna jintalab id-dokument oriġinali meta tiġi sottomessa applikazzjoni jew talba għal informazzjoni; jew (ii) f’każ ta’ email/posta, tintalab li tiġi sottomessa kopja ma’ applikazzjoni jew talba għal informazzjoni, liema kopja tad-dokument tiġi mħassra wara li ssir il-verifika neċessarja),
  • Indirizz,
  • Numru ta’ kuntatt,
  • Indirizz elettroniku,
  • Qari tal‑arloġġ (meter),
  • Data fuq il-pożizzjonament tal-meter,
  • Informazzjoni dwar kontijiet,
  • Dettalji dwar il-vettura elettrika li jinsabu fiċ-ċertifikat maħruġ minn Transport Malta, li jinkludu n-numru u l-pajjiż tar-reġistrazzjoni tal-vettura, fejn applikabbli,
  • Numru tal‑kont u tal‑meter.

Jista’ jagħti każ li tinġabar aktar informazzjoni għal sitwazzjonijiet speċifiċi.

Tinġabar ukoll data personali ta’ persuni li joqogħdu fl‑istess residenza/binja, persuni li jistgħu jipprovdu aċċess għar‑residenza/binja u persuni li jispezzjonaw u/jew jiċċertifikaw l‑installazzjonijiet tal-elettriku.

Irrispettivament minn kif inkunu ġbarna l-informazzjoni personali tiegħek, nipproċessaw tali informazzjoni għal finijiet ta’ provvista tas-servizz tal-elettriku u għal iskopijiet li huma relatati ma’ dan is-servizz, li jinkludu kull obbligazzjoni legali imposta fuqna.

Ġeneralment, waqt li nkunu qegħdin nipprovdulek is‑servizz, id‑data personali tiegħek tiġi pproċessata għal dan li ġej:

  • Investigazzjoni dwar ħsarat u tiswijiet,
  • Spezzjonijiet,
  • Titjib/aġġornamenti tas‑servizz ipprovdut,
  • Kontijiet,
  • Talbiet għas‑servizz temporanju,
  • Notifiki dwar interruzzjonijiet,
  • Investigazzjoni għat‑talba għad‑danni,
  • Investigazzjoni dwar serq u frodi

Aħna nipproċessaw id‑data personali tiegħek fuq bażijiet ta’ legalità tal-ipproċessar imsemmijin hawn taħt:

  • Id-dħul f’kuntratt u l‑eżekuzzjoni tiegħu – b’mod partikolari biex nipprovdulek is‑servizzi li tixtieq mingħandna. Jekk ma nipproċessawx abbażi ta’ din il‑bażi jkun ifisser li ma nkunux nistgħu nonoraw il‑kuntratt tagħna miegħek,
  • L‑interessi leġittimi tagħna għal raġunijiet ta’ sigurtà u sikurezza u sabiex nissalvagwardjaw id-drittijiet tagħna f’każijiet ta’ arbitraġġ/proċeduri legali u kwalunkwe interess leġittimu ieħor li jista’ jkollna relatat mas‑servizzi pprovduti. Meta nipproċessaw id‑data personali tiegħek fuq il‑bażi ta’ interessi leġittimi aħna niżguraw li l‑interessi u d‑drittijiet tiegħek ma jiġux preġudikati,
  • Konformità mal‑obbligi legali imposti fuqna – b’mod partikolari minħabba obbligi imposti fuqna bħala riżultat tal‑provvista tas‑servizzi tal‑elettriku,
  • Il-kunsens provdut minnek – meta inti pprovdejt kunsens espliċitu rigward proċessar speċifiku tad-data personali tiegħek, u
  • Minħabba li aħna nipproċessaw id‑data personali tiegħek bl‑għan li nipprovdu s‑servizz tal‑elettriku fuq bażi nazzjonali, jista’ jkun hemm każijiet fejn nistgħu wkoll niddependu fuq l‑interess pubbliku fl‑ipproċessar tad‑data tiegħek, minħabba twettiq ta’ kompitu li jsir fl‑interess pubbliku.

Fuq il‑bażi tal‑interessi leġittimi tagħna jew konformità ma’ obbligi legali, kif applikabbli, nistgħu wkoll nipproċessaw id‑data personali tiegħek bl‑għan li nistabbilixxu, neżerċitaw jew niddefendu proċeduri ġudizzjarji.

Aħna se niżguraw li jkollna raġunijiet validi u addizzjonali, għall‑ipproċessar tad‑data personali tiegħek f’każ li niġu affaċċjati bl‑ipproċessar ta’ data li tiġi kklassifikata bħala kategorija speċjali. Ta’ min jinnota li kategoriji speċjali tad‑data personali jinkludu data li tiżvela l‑oriġini ta’ razza jew etniċità tiegħek, opinjonijiet politiċi, twemmin reliġjuż jew filosofiku, sħubija fi trade unions, data ġenetika, bijometrika jew ta’ saħħa, orjentazzjoni sesswali u data rigward kundanni kriminali u reati jew miżuri ta’ sigurtà relatati. L‑ipproċessar ta’ kategoriji speċjali tad‑data personali tiegħek mhux previst sakemm ma jkollniex raġuni sabiex nibdew/nistitwixxu proċedimenti jew investigazzjonijiet fir‑rigward tas‑serq tas‑servizzi tagħna.

Ir‑riċevituri tad‑data personali tiegħek huma:

    • Individwi magħżulin fi ħdan il‑kumpanija tagħna, fuq bażi need‑to‑know,
    • Kwalunkwe entità li tgħinna sabiex nipprovdu s‑servizzi tagħna inklużi l‑fornituri tas‑servizzi tal‑IT,
    • Terzi persuni li jkollna niżvelaw l‑informazzjoni magħhom b’riżultat tar‑relazzjoni tagħna miegħek bħala l‑klijent tagħna,
    • Terzi persuni li jinkludu imma mhux limitati għal istituzzjonijiet governattivi u awtoritajiet li huma ta’ natura eżekuttiva, ġudizzjarja jew leġiżlattiva li jista’ jkollna niżvelaw l‑informazzjoni magħhom b’konsegwenza ta’obbligi legali imposti fuqna,
    • Istituzzjonijiet governattivi, ministeri u awtoritajiet u entitajiet pubbliċi oħra, li jitolbuna data personali speċifika li tirrigwarda lilek/lill-persuni li joqogħdu fir-residenza tiegħek, li aħna nikkontrollaw bħala l-Kontrolluri tad-Data personali. Din id-data personali tiġi kondiviża biss għal bżonnijiet miftiehma u speċifiċi, li jinkludu li jkunu għall-benefiċċju tiegħek, u jkunu mniżżla fil-Ftehim ta’ Kondiviżjoni tad-Data bejn il-partijiet. Ir-Riċevitur huwa kuntrattwalment marbut li jinfurmak b’din id-data kondiviża mingħandna,
    • Terzi persuni oħra li jista’ jkollna niżvelaw l‑informazzjoni magħhom b’konsegwenza ta’ obbligi legali imposti fuqna.

Nixtiequ ninfurmawk li aħna membri (“Membru”) ta’ Aġenzija ta’ Referenza tal-Kreditu (‘CRA’) f’Malta. Il-Membru ser jiproċessa d-data personali msemmija f’dan l-avviż skont il-leġiżlazzjoni applikabbli, b’mod partikolari, ir-Regolament [UE] 2016/679 (‘GDPR’), kif ukoll l-Att dwar il-Protezzjoni tad-Data personali. Jekk int bħala Klijent tagħna tikser il‑kuntratt ta’ bejnietna, il‑Membru għandu d‑dritt li jgħaddi l‑informazzjoni personali tiegħek lis‑CRA, kif ukoll lil kwalunkwe terzi persuni li nistgħu niżvelaw l‑informazzjoni magħhom b’konsegwenza ta’obbligi legali imposti fuqna.

F’każ li l‑informazzjoni personali tiegħek tiġi żvelata lis­CRA, bħala aġenzija ta’ referenza tal‑kreditu, titqies bħala Kontrollur tad‑data personali li hi tipproċessa fis‑sistemi tagħha, għall‑finijiet tal‑interessi leġittimi tagħha, fosthom li tippromwovi prattiċi responsabbli ta’ self.

Aħna ma niżvelawx id‑data personali tiegħek ma’ entitajiet li jinsabu barra mill‑Unjoni Ewropea jew miż‑Żona Ekonomika Ewropea.

Id‑data personali tiegħek ma tintużax sabiex tittieħed deċiżjoni biss fuq il‑bażi ta’ proċessi awtomatizzati, inkluż tfassil ta’ profili.

Fl‑interess tat‑trasparenza, ta’ min jinnota li aħna nużaw sistemi li jistgħu joħolqu profil fuqek. L‑iskop ta’ sistemi bħal dawn huwa li jiġi analizzat il‑konsum tal‑elettriku tiegħek sabiex niżguraw li tirċievi servizz ta’ kwalità. Dawn is‑sistemi jistgħu jintużaw ukoll sabiex jiġi identifikat konsum abnormali tal‑elettriku u attivitajiet irregolari. L‑ebda deċiżjoni awtomatizzata mhi se tirriżulta mill‑użu ta’ dawn is‑sistemi.

Aħna nżommu d‑data personali tiegħek biss għall‑perjodu li matulu aħna legalment nistgħu nagħmlu dan. Mid‑data tal‑iskadenza ’l quddiem, id‑data personali tiegħek tinqered immedjatament u b’mod irrevokabbli.

Bħala riżultat tal‑obbligi legali imposti fuqna, normalment inżommu d‑data personali tiegħek sa għaxar (10) snin mid‑data tal‑għeluq tal‑fajl tiegħek mil‑liema data inti ma tibqax klijent tagħna.

Jista’ jkollna interess leġittimu li nżommu d‑data tiegħek għal perjodi itwal bħal meta d‑data tiegħek hija meħtieġa għall‑eżerċizzju jew għad‑difiża ta’ pretensjonijiet legali.

Aġġornat l-aħħar fl-17 ta’ Frar 2021