Xogħolijiet fuq cable ta’ taħt l-art jinsabu fi stadju avvanzat fil-Mosta – Enemalta

01.10.2023

Enemalta plc qiegħda ssaħħaħ is-sistema ta’ distribuzzjoni tagħha fil-Mosta permezz ta’ tqegħid ta’ 1.3km ta’ cables tal-11kV. Dan l-investiment ser ikollu mpatt pożittiv fuq 4,000 residenza u negozji f’din iż-żona.

Enemalta qiegħda taċċellera l-pjan tagħha għat-tisħiħ tas-sistema ta’ distribizzjoni permezz t’għadd ta’ proġetti madwar il-pajjiż.

Dan ix-xogħol fil-Mosta ser jagħti aktar konnessjonijiet alternattivi li jagħmlu n-network tal-11kV iktar flessibbli. F’każ li jiżviluppaw diffikultajiet fin-netwerk, konnessjonijiet alternattivi ser jippermettu lit-timijiet tekniċi jagħtu lura l-provvista tal-elettriku f’inqas ħin.

Fis-Siġġiewi għaddej ukoll proġett simili, li ser jilħaq mal-5,000 konsumatur. It-timijiet tekniċi tal-Enemalta bdew il-proċessi għall-iżvilupp ta’ Ċentru ta’ Distribuzzjoni tan-Naxxar, u s-sezzjoni tal-iżvilupp tal-kumpanija qiegħda tagħmel it-tħejjijiet neċessarji għal dan iċ-Ċentru.

Iċ-Ċentri ta’ Distribuzzjoni huma essenzjali fin-netwerk tagħna, hekk kif dawn jissuplixxu eluf ta’ residenti bil-provvista tal-elettriku, billi jwasslu l-elettriku mis-sorsi ta’ ġenerazzjoni għas-substations. Għaddej ukoll l-ippjanar għall-estenzjoni taċ-Ċentru ta’ Distribuzzjoni tal-Imsida u ċ-Ċentru ta’ Distribuzzjoni ta’ St Andrew’s.

In-netwerk ta’ vultaġġ baxx, li jwassal l-elettriku mis-substations għad-djar qiegħed jiġi msaħħaħ f’għadd ta’ lokalitajiet. Ir-residenti jistgħu jaraw ix-xogħol fi stadji differenti, hekk kif il-proċess jirrikjedi diversi fażijiet. Dan ix-xogħol qiegħed isir fil-Mellieħa, Ħal Tarxien, il-Gudja, Ħal Qormi, il-Ħamrun u Ħaż-Żabbar.

Apparti minn dan ix-xogħol, qed isir ukoll xogħol ta’ rinfurzar fuq linji tal-elettriku li ukoll jiffurmaw parti mis-sistema ta’ distribuzzjoni tal-elettirku. Fl-aħħar jiem, l-Enemalta lestiet xogħolijiet f’Ħal Qormi u l-Qrendi.