Tkompli l-ħidma fil-kollaborazzjoni bejn Streamcast u Enemalta

12 .04.2018

L-ewwel fażi tal-iżvilupp tal-ewwel data centre internazzjonali fil-mini taħt l-art fejn qabel kien hemm l-eqdem parti tal-Power Station tal-Marsa, tlesta f’ħin record ta’ tmien ġimgħat.

F’Novembru li għadda, b’kollaborazzjoni bejn Enemalta plc u Streamcast Technologies Inc, li tagħmel parti minn Streamcast Group, ġie ffirmat ftehim għall-żvilupp ta’ global data centres f’Malta. L-għan ewlieni tal-proġett pilota kien li jiġi żviluppat ċentru ta’ data centre tal-ogħla livell, b’investiment ta’ madwar €5 miljuni.

Il-mini ta’ Enemalta fejn sar dan ix-xogħol, għandhom struttura b’saħħitha u temperaturi baxxi u stabbli s-sena kollha.  Dan il-post hu ideali għal data centres li jeħtieġu livelli għoljin ta’ ħarsien mill-elementi u sigurta’, kif ukoll temperaturi mill-aktar baxxi, sabiex l-apparat jopera bl-iktar mod effiċjenti. Il-post magħżul għal dan il-proġett għandu wkoll il-faċilità ta’ konnessjoni tal-Internet diretta mal-kumplament tad-dinja, permezz tas-sistemi ta’ fibre optic cables li Enemalta għandha bejn Malta u Sqallija, kif ukoll permezz ta’ xibka ta’ mini taħt l-art madwar il-pajjiż, li l-Kumpanija tuża’ biex twassal l-elettriku lill-klijenti tagħha.

Timijiet differenti ta’ ħaddiema ta’ Enemalta kif ukoll Inġiniera ta’ Steamcloud, ħadmu flimkien biex installaw l-infrastruttura tal-elettriku u tal-arja kkundizzjonata u apparat soffistikat ieħor li jkun jeħtieġ f’data centre ta’ dan il-livel.  Kuntratturi oħra għaddew medda ta’ diversi kilometri ta’ fibre optic cables, sabiex jikkonnettjaw is-sit tad-data centre fil-Marsa mal-konnessjoni ta’ Enemalta bejn il-Magħtab u Ragusa, fi Sqallija.

Id-data centre, li ser jintuża mill-klijenti ta’ Streamcast madwar id-dinja, hu mgħammar b’faċiltajiet li jzommuh jopera 24 siegħa kuljum, anke jekk tinqala’ xi ħsara jew  bżonn xi manutenzjoni f’xi parti mill-apparat. Fil-fatt, kull sistema jkollha sistema oħra bl-istess funzjoni, sabiex meta waħda ma tkunx qed taħdem, tintuża l-oħra b’mod awtomatiku.

Ing Fredrick Azzopardi, Chairman tal-Enemalta plc indika kif “Il-ftehim li sar bejn l-Enemalta u Streamcast Technologies mhux se jkun l-aħħar kollaborazzjoni ta ‘dan it-tip ma’ Enemalta. It-tim għall-iżvilupp tan-negozju qiegħed f’taħditiet ma’ bosta kumpaniji lokali u internazzjonali oħra biex ikomplu jkabbru l-portafoll tal-kumpanija tagħna, mhux biss fis-suq globali tad-data centres, iżda wkoll f’setturi ġodda.

Inġ. Jason Vella, Chief Executive Officer ta’ Enemalta plc, spjega kif “Mill-iffirmar tal-ftehim ma’ Streamcast, ix-xogħlijiet ma waqfux sabiex dan il-proġett isir realtà. Kien komplut fi żmien record ta’ tmien ġimgħat u dan juri l-impenn qawwi minn kull min kien involut. Issa li tlesta, Enemalta u Streamcast ser isegwu mill-qrib ir-riżultati u l-operat tiegħu sabiex jippjanaw l-iżvilupp ta’ aktar investimenti simili fl-istess sit. Jekk ir-riżultati mixtieqa jintlaħqu, jiġu żviluppati data centres oħra, ferm akbar, f’partijiet oħra ta’ l-istess struttura taħt l-art fil-Marsa. Dan l-ewwel data centre jimmarka era ġdida għall-Enemalta”

Is-Sur Nimish Pandya, Chairperson ta’ Streamcast Group qasam magħna l-vizjoni tiegħu, fejn qal li “Il-filosofija u t-twemmin tal-Grupp Streamcast minn dejjem kien li jarrikkixxu l-esperjenżi, tul il-ħajja tal-bniedem, permezz tat-teknoloġija. Bħalissa dan l-għan ilħaqnieħ ma’ miljuni ta’ persuni fl-Indja, fix-Xlokk tal-Asja,  fil-Lvant Nofsani, l-Afrika ta’ Fuq u MENA.  Għandna ukoll pjanijiet li qed jikbru b’ritmu mgħaġġel biex inkomplu nkabbru t-tkabbir tagħna f’reġjunijiet oħra madwar id-dinja. Ma’ msieħba bħal Enemalta flimkien bit-talent eċċezzjonali tat-tim ta’ Streamcloud, aħna fiduċjużi li nwasslu firxa sħiħa ta’ servizzi, li aħna ta’ Streamcast nsejħu D-to-D jiġifieri Data Centre to Device.”