Streamcast Technologies, Inc u Enemalta plc jniedu investiment ta’ €75 miljun f’Malta

28.11.2017

Enemalta plc u Streamcast Technologies, Inc. iffirmaw ftehim għal investiment li jlaħħaq mal-€75 miljun fil-qasam tal-global data centres, u li ser jibda bl-iżvilupp ta’ data hub sikur f’waħda mill-installazzjonijiet taħt l-art li l-Kumpanija Maltija għandha fil-Marsa.

Permezz ta’ dan il-ftehim, Streamcast ser tiżviluppa Tier 4 data centre fil-faċilitajiet kbar ta’ taħt l-art ta’ Enemalta fil-Marsa, siti bi strutturi b’saħħithom u temperaturi baxxi u stabbli s-sena kollha. B’hekk, dan l-investiment ser jgħin lil Enemalta tħaddem aħjar ir-riżorsi tagħha lilhinn mis-servizzi tal-elettriku, fosthom l-infrastruttura ta’ taħt l-art u l-konnettività internazzjonali permezz tat-teknoloġija tal-fibre optic.

Inġ. Fredrick Azzopardi, Executive Chairman ta’ Enemalta plc u Nimish Pandya, Chairman ta’ Streamcast Technologies, Inc. iffirmaw memorandum of understanding sabiex iniedu dan l-investiment nhar it-Tnejn, 27 ta’ Novembru, 2017, wara ġimgħat ta’ diskussjonijiet bl-appoġġ ta’ Malta Enterprise. Sal-aħħar tas-sena, Enemalta plc ser tkun qed twettaq it-tħejjijiet infrastrutturali għal dan l-iżvilupp. Inġiniera u tekniċi tal-informatika ta’ Streamcast ser jaslu Malta dalwaqt sabiex jikkordinaw il-proġett bl-għajnuna tat-tim tal-iżvilupp tan-negozju ta’ Enemalta. Is-servers u apparat ieħor ta’ dan id-data centre ser jiġu installati f’wieħed mill-ispazji ta’ taħt l-art li Enemalta għandha fil-Marsa.

Il-ftehim bejn iż-żewġ Kumpaniji jesiġi wkoll li meta jitlesta dan il-proġett pilota ż-żewġ naħat jaqsmu l-għarfien u l-esperjenza tagħhom u jwettqu aktar studji bl-għan li dan l-investiment jitkattar bl-iżvilupp ta’ data hubs oħra fl-istess sit.

Streamcast hija fost il-kumpaniji internazzjoni ewlenin li taħdem bħala private IP cloud operator permezz tat-teknoloġija oriġinali tagħha, sabiex tipprovdi servizzi ta’ streamingi tal-ogħla livell, mingħajr interruzzjonijiet u bl-inqas bandwidth possibbli. Streamcast taħdem ma’ operaturi ta’ sistemi wireless u oħrajn bil-fili sabiex tipprovdi servizzi ta’ on-demand video streaming, xandir ta’ filmati diretti, VOIP u video chat lil aktar minn 33 miljun persuna fl-India, fix-Xlokk tal-Asja u fil-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u l-Afrika ta’ Fuq.

Bi storja li tmur lura għall-1977, Enemalta plc hija l-kumpanija ewlenija tas-servizzi tal-enerġija fil-Gżejjer Maltin, fosthom il-ġenerazzjoni u d-distribuzzjoni tal-elettriku u l-iżvilupp kontinwu tas-sistema tat-tqassim tal-elettriku tal-pajjiż. Il-Kumpanija tfittex li toffri servizzi affidabbli u bi prezzijiet raġjonevoli lil aktar minn 400,000 klijent, waqt li tiżviluppa infrastruttura tal-elettriku mill-aktar effiċċjenti sabiex tilħaq il-bżonnijiet tal-enerġija tal-pajjiż. F’dawn l-aħħar snin il-Kumpanija varat bidliet kbar sabiex tibni mill-ġdid l-infrastruttura tal-ġenerazzjoni tal-elettriku tagħha, issaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni, ittejjeb il-kwalità tas-servizz lill-klijenti waqt li tikseb sostenibilità finanzjarja fit-tul permezz ta’ diversifikazzjoni tal-operat tagħha.

Hekk kif ġie ffirmat il-ftehim, Nimish Pandya esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-għaqda ta’ bejn Enemalta u Streamcast. “Nemmen li din hija sħubija unika b’ħafna potenzjal. Is-sinerġiji li se jirriżultaw minn din il-kollaborazzjoni ser ikollhom benefiċċji kbar għall-ekonoija Maltija. Aħna kburin li qed nagħtu s-sehem tagħna f’dan l-iżvilupp, hekk kif is-sħubija tagħna ma’ Enemalta timxi fl-istess direzzjoni tal-istrateġija ta’ tkabbir li tħaddan Streamcast.”

Inġ. Fredrick Azzopardi rringrazzja lit-tim ta’ żvilupp tan-negozju ta’ Enemalta li twaqqaf riċentament, u lil Streamcast, għall-ħidma tagħhom f’din il-kollaborazzjoni. “Dan il-ftehim huwa mudell għall-futur tal-Kumpanija tagħna. Ta’ kuljum, Enemalta trid tegħleb l-isfida kontinwa li tikseb ir-riżorsi meħtieġa sabiex niżguraw li nibqgħu noffru servizzi tal-elettriku effiċjenti u affidabbli lill-klijenti tagħna. Sabiex insaħħu lill-Kumpanija tagħna bħala waħda finanzjarjament sostenibbli u effiċjenti jeħtieġ li nkunu kreattivi u nfittxu modi ġodda ta’ kif niddiversifikaw l-operat tagħna u nkattru l-potenzjal tar-riżorsi disponibbli għalina.”

“Il-ftehim tal-lum mhux ser ikun l-ewwel u l-aħħar. It-tim ta’ żvilupp tan-negozju tagħna jinsab f’taħditiet ma’ aktar kumpaniji lokali u barranin sabiex inkomplu niddiversifikaw l-operat tagħna mhux biss fil-qasam tal-global data centres, iżda f’oqsma oħra ġodda wkoll,” temm jgħid l-Inġ. Azzopardi.