Standard & Poor’s tikkonferma s-sostenibilitá ta’ Enemalta plc

05.03.2018

Is-sitt rapport pożittiv ta’ Standard and Poor’s dwar Enemalta plc itenni l-impenn tal-Kumpanija u tal-ħaddiema tagħha sabiex jiksbu mill-ġdid is-sigurtà tal-provvista u prezzijiet raġjonevoli fis-settur tal-enerġija filwaqt li jagħmlu s-servizzi tal-elettriku ambjentalment u finanzjarjament sostenibbli.

It-Tnejn, din l-aġenzija internazzjonali kkonfermat il-credit rating ta’ Enemalta fil-livell ta’ BB- u l-istand-alone credit profile fil-livell ta’ B-, bi tbassir ta’ stabbilità għas-snin li ġejjin. Standard and Poor’s ilha tappoġġja l-pjan ta’ bidla fit-tul għal enerġija aktar nadifa u sostenibilità finanzjarja sa mill-2014, meta bdiet gradwalment ittejjeb il-credit rating u l-istand-alone credit profile tagħha.

Filwaqt li kkonfermat li t-tmiem tad-dipendenza ta’ Enemalta fuq il-heavy fuel oil wassal għal “bidliet pożittivi fil-kapital ta’ bejn €15-il miljun u €20 miljun”, Standard and Poor’s spjegat ukoll li t-taħlita ta’ sorsi ta’ elettriku tal-istess Kumpanija, fosthom l-impjanti Delimara 3 u Delimara 4 li jaħdmu bil-gass naturali, u l-Malta-Italy Interconnector, huma kapaċi jiżguraw is-sigurtà tal-provvista tal-pajjiż filwaqt li joffru livell tajjeb ta’ kapaċità għall-futur. Fil-fatt, l-aġenzija qed tbassar żieda ta’ bejn erbgħa u ħamsa fil-mija fil-konsum tal-elettriku kull sena, għas-sentejn li ġejjin.

Ir-rapport jinnota wkoll li aktar ma’ jmur, Enemalta qed tnaqqas id-djun antiki tagħha, li jagħmel tajjeb għalihom il-Gvern. “Nemmnu li fil-futur il-Gvern ikun jista’ gradwalment inaqqas dawn il-garanziji fuq ħafna mid-djun ta’ Enemalta,” issostni l-aġenzija ta’ kreditu. Dan it-tnaqqis qed iseħħ mingħajr il-ħtieġa ta’ mekkaniżmi ta’ aktar self u bla ma jonqos l-investiment kapitali. Fil-fatt, Standard and Poor’s tindika li Enemalta se tuża mat-€30 miljun mid-dħul tagħha kull sena għal proġetti ta’ tkabbir u tisħiħ tal-infrastruttura li twassal is-servizzi tal-elettriku lill-klijenti.

Ħames snin ilu, din l-aġenzija ta’ kreditu kienet twissi li s-somma dejjem tiżdied tad-djun ta’ Enemalta garantiti mill-Gvern, u t-telf li l-istess entità kienet qed tagħmel, kienu qed jheddu l-ekonomija tal-pajjiż. Wara li “biddlet il-pożizzjoni tagħha b’suċċess” permezz tal-pjan ta’ bidla 2013-2017, il-prospetti ta’ Enemalta issa huma meqjusa f’dawl aħjar, b’aktar likwidità, profitti stabbli u biżżejjed riżorsi sabiex tinvesti fi proġetti kapitali u tħallas id-djun tagħha mingħajr ma ddur għal aktar self.

Fir-rendikont annwali tagħha ta’ Enemalta, Standard and Poor’s ikkonfermat ukoll il-livell għoli tal-governanza u t-tmexxija tal-Kumpanija, b’ċertifikat “sodisfaċenti”, bħal ma għamlet is-sena li għaddiet. Spjegat li “t-tmexxija rnexxielha tikseb ir-riżultati mixtieqa b’konsistenti skont id-direzzjoni kummerċjali li kienet qed timmira għaliha, filwaqt li ħolqot ukoll biżżejjed likwidità biex tkun tista’ topera.”

Inġ. Fredrick Azzopardi u Inġ. Jason Vella, iċ-Ċermen u l-Uffiċċjal Kap Eekuttiv tal-Kumpanija, laqgħu din l-analiżi ta’ Standard and Poor’s bħala sinjal ta’ kuraġġ li jżid ir-rieda ta’ Enemalta li tkompli ssir aktar effiċjeti u tipprovdi servizzi ta’ kwalità ogħla.

“Ħames snin ilu, stedinna lill-impjegati, lill-klijenti u lil dawk kollha li jikkollaboraw magħna biex flimkien nappoġġjaw pjan ta’ trasformazzjoni ħalli nagħtu ħajja ġdida lil Enemalta,” spjega l-Inġ. Azzopardi, “minn dak iż-żmien ‘l hawn ħaddanna din il-viżjoni bħala impenn dejjiem. Dan l-impenn kontinwu sabiex inżidu l-effiċjenza u l-kwalità tal-operat tagħna qed jgħinna noffru servizzi aħjar lill-klijenti tagħna. L-appoġġ u l-analiżi pożittiva ta’ Standard and Poor’s ikompli jixprunana f’din id-direzzjoni.”