L-għaqda bejn il-ħaddiema kienet fattur determinanti

15.03.2019

Ħames impjegati ta’ Enemalta, li kienu direttament involuti f’ħidma bla qies biex tkun pprovuta l-provvista tal-elettriku matul l-aħħar tmiem il-ġimgħa ta’ Frar fejn kundizzjonijiet tat-temp mhux tas-soltu kkawżaw bosta qtugħ fl-imsemmija provvista madwar il-pajjiż, taw rendikont dettaljat tax-xogħol iebes imwettaq f’temp ta’ 48 siegħa.

Bejn l-24 u l-25 ta’ Frar, iċ-ċentru ta’ assistenza ta’ Enemalta wieġeb għal aktar minn 1,500 talba għal assistenza li identifikaw aktar minn 1,000 każ ta’ ħsara. Nofshom kienu relatati ma’ ħsarat fil-provvista tal-elettriku waqt li l-bqija kienu każijiet li jikkonċernaw diffikultajiet oħra kkawżati mit-temp brutali li ħakem Malta.

Filwaqt li problemi fil-vultaġġ għoli kienu ftit u kollha ġew imsewwija fi żmien qasir, numru sostanzjali ta’ ħsarat fil-vultaġġ baxx li jaffettwaw il-konsumaturi mifruxa madwar Malta u Għawdex damu biex jiġu solvuti.

Minħabba l-kundizzjonijiet tat-temp, kien hemm żieda sostanzjali fit-talba għall-provvista tal-elettriku, tant li  nhar il-Ħadd (l-24 ta’ Frar) it-talba kienet ta’ 324MW fis-siegħa jew 20% iktar mill-medja normalment milħuqa nhar ta’ Ħadd. Din iż-żieda hija attribwita għall-fatt li l-familji Maltin irrispettaw l-appelli tal-awtoritajiet u baqgħu d-dar matul il-ġurnata u dan il-fatt ikkontribwixxa għal żieda fl-użu ta’ sistemi elettroniku li jsaħħnu, fost oħrajn.

It-timijiet ta’ emerġenza ta’ Enemalta ħadmu bla qies sakemm is-sitwazzjoni reġgħet lura għan-normal, u Ing. George Portelli, Ing. John Zammit, Jesmond Pace, Raymond Lewis u Albert Demarco taw rendikont dettaljat ta’ esperjenza bħal din waqt li esprimew il-gratitudni tagħhom għall-ispirtu magħqud ta’ tim eċċellenti li rriżulta bħala fattur determinanti fir-restawr tal-provvista tal-elettriku għal dawk kollha affettwati minn xi forma ta’ ħsara.