Investiment ta’ €7 miljun biex tissaħħaħ il-provvista tal-elettriku f’San Ġiljan, Tas-Sliema u l-Gżira

11.02.2021

Investiment ta’ €7 miljun fiċ-Ċentru ta’ Distribuzzjoni f’Paceville se jwassal għal tisħiħ fil-provvista tal-elettriku f’ San Ġiljan, Tas-Sliema u l-Gżira.

Waqt żjara li għamlet il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli, ġie spjegat kif dan l-investiment sar biex jindirizza l-espansjoni taż-żona turistika u kummerċjali.

“L-ammont ta’ residenti u negozji f’dawn l-akkwati żdied u rridu nassiguraw li dan it-tkabbir jkun appoġġjat bl-infrastruttura neċessarja,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.

“L-għan huwa li nassiguraw li l-Enemalta tkun attrezzati biex tilqa’ għad-domanda tal-elettriku. Qed ninvestu fl-infrastruttura biex nassiguraw l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija.”

Il-Ministru irringrazzjat lill-ħaddiema tal-Enemalta, li minkejja l-kumplessita’ tan-natura ta’ dan il-proġett, il-proġett sar mingħajr interruzzjonijiet fl-istess waqt li switchgear antik kien għadu jopera mill-istess post.

Il-proċess għal dan il-proġett beda fl-2017 fejn inġiniera u periti mill-Enemalta bdew jaħdmu fuq l-aspett tekniku, sabiex wara sejħa pubblika għall-bini u tagħmir li saret fl-2018, il-kuntratt għax-xogħolijiet ġie mogħti fl-2019. Dan iċ-ċentru issa huwa mgħammar bi switchgear modern u aktar sigur, fejn l-apparat huwa ikkontrollat u protett permezz ta’ teknoloġija moderna li toffri aktar flessibilita’ u reżiljenza fid-distribuzzjoni tal-elettriku. Is-sistema tikkomunika immedjatament maċ-Ċentru ta’ Kontroll tal-Enemalta fil-Marsa fejn inġiniera joperaw l-apparat hekk kif ikun meħtieġ.

“B’dan il proġett, l-Enemalta kompliet issaħħaħ il-provvista tal-elettriku billi nstallat it-tielet transfomer ta’ 30MVA u saħħet l-infrastruttura li tgħaqqad l-istess ċentru ma’ dawk tal-Kappara u St. Andrews bl-stallazjoni ta’ cables twal madwar 8.3km. Dan qed isir biex inkunu ippreparati bl-aħjar mod possibli għal ħiġijiet ta’ dawn l-inħawi,” ssostna l-Kap Eżekuttiva ta’ Enemalta plc, l-Inġ.Jason Vella.