Feeder ġdid għal mijiet ta’ residenti fl-Imġarr

15.03.2022

Familji fl-Imġarr fil-jiem li ġejjin ser igawdu minn provvista tal-elettriku aktar stabbli wara li l-ġimgħa d-dieħla l-Enemalta tlesti x-xogħol fuq proġett ta’ rinfurzar tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku fl-inħawi ta’ Triq Santa Marija.

Il-proġett kien jikkonsisti fit-tqiegħed ta’ feeder ġdid fuq medda ta’ kważi 300 metru li għamilha possibbli li d-domanda għall-elettriku fl-inħawi titqassam aħjar fuq il-feeders li jfornu l-elettriku lill-familji u negozji.

Il-programm ta’ xogħlijiet ta’ rinfurzar tas-sistema tad-distribuzzjoni għadu għaddej f’diversi partijiet tal-pajjiż fosthom f’Ħal Għargħur, il-Qrendi u s-Siġġiewi. 

Dan jagħmel parti minn pjan ta’ 90 miljun ewro li ser jkunu investiti mill-Enemalta fis-sistema tad-distribuzzjoni sal-2027.