Enemalta plc tilqa’ tmexxija ġdida

26.06.2018

Kevin Chircop u Sheng Baojie nħatru Ċermen u Deputat Ċermen ta’ Enemalta plc.

Iż-żewġ ħatriet tħabbru t-Tlieta waqt il-laqgħa ġenerali annwali tal-Kumpanija. Inġ. Fredrick Azzopardi, iċ-Ċermen preżenti, li serva wkoll bħala Uffiċċjal Kap Eżekuttiv u Ċermen Eżekuttiv ta’ Enemalta sa minn Jannar 2014, talab li ma jerġax jinħatar f’din il-kariga sabiex ikun jista’ jiffoka fuq responsabilitajiet ġodda f’settur ieħor.

Iċ-Ċermen ġdid, Kevin Chircop, ilu jifforma parti mill-Bord tad-Diretturi ta’ Enemalta mill-2014. Serva wkoll fl-amministrazzjoni tal-Kumpanija, fil-kariga ta’ Executive Director Business Strategy and Projects, bejn l-2014 u l-2015, qabel ma ntgħażel fil-kariga ta’ Executive Chairman ta’ Enemed Co. Ltd. Id-Deputat Ċermen ġdid, Sheng Baojie, ilu involut fil-kollaborazzjoni strateġika bejn Enemalta plc u Shanghai Electric Power sa mill-bidu tagħha fl-2013. Bħala parti minn din il-ħidma konġunta, hu jservi wkoll fil-kariga ta’ Ċermen tal-Kumpanija Shanghai Electric Power Malta.

Waqt il-laqgħa ġenerali, il-Bord tad-Diretturi rringrazzja lill-eks Ċermen, Inġ. Azzopardi, u eks Deputat Ċermen, Sun Ji, għall-impenn tagħhom biex jiggwidaw il-Kumpanija fil-pjan ambizzjuż sabiex tikseb sostenibilità ambjentali u finanzjarja fit-tul. Iż-żewġ diretturi ilhom fit-tmexxija ta’ Enemalta sa minn meta ġiet organizzata mill-ġdid bħala kumpanija (public limited company) f’Awwissu 2014. Fix-xhur ta’ qabel, minn Jannar tal-istess sena, Inġ. Azzopardi kien jaħdem bħala Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-istess entità, li dak iż-żmien kien għadha korporazzjoni.

It-trasformazzjoni ta’ dawn l-aħħar snin bdiet meta Enemalta kien għadha korporazzjoni li titlef il-flus, mgħobbija bi djun li jmorru lura snin twal. Minn dak iż-żmien, din l-entità żviluppat taħlita ta’ sorsi ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku sostenibbli, hekk kif impjanti antiki jaħdmu biż-żejt inbidlu ma’ oħrajn ġodda jiġġeneraw l-elettriku mill-gass naturali, flimkien mal-Malta-Italy Interconnector u sistemi li joħolqu l-elettriku minn sorsi rinovabbli. Din it-taħlita ta’ sorsi ferm aktar effiċjenti qed tiżgura s-sigurtà tal-provvista u s-sostenibilità ambjentali tal-pajjiż.

Fl-istess waqt, il-Kumpanija raħħset it-tariffi tal-elettriku għal waħda mill-inqas rati fl-Ewropa, kisbet l-investiment privat meħtieġ sabiex ittejjeb il-qagħda finanzjarja tagħha, naqqset it-telf minn serq tal-elettriku u irregolaritajiet oħra u wettqet proġett ta’ titjib fis-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku tal-pajjiż, b’investiment li jiżboq il-€100 miljun, sabiex tiżdied il-kapaċità u tnaqqas ir-riskji ta’ qtugħ tal-provvista.

B’riżultat ta’ dawn il-bidliet, Enemalta temmet snin twal ta’ telf finanzjarju u rreġistrat l-ewwel profitti fl-2015. Kompliet tikseb aktar riżultati pożittivi fl-2016 u matul is-sena li għaddiet ukoll. Permezz tal-impenn tagħha li tpoġġi l-ħtiġijiet tal-klijenti fiċ-ċentru ta’ kull ħidma, Enemalta rnexxielha wkoll ittejjeb is-servizzi lill-klijenti, b’60 fil-mija aktar ħeffa fl-ikkonnettjar ta’ servizzi tal-elettriku ġodda u titjib b’rati simili fit-tnaqqis ta’ diffikultajiet li jwasslu għal qtugħ fil-provvista.

Is-sidien tal-ishma tal-Kumpanija, il-Gvern Malti u l-kumpanija internazzjonali Shanghai Electric Power, u l-Bord tad-Diretturi, ferħu liċ-Ċermen u Deputat Ċermen ġodda, u esprimaw il-fiduċja tagħhom li taħt it-tmexxija tagħhom Enemalta ser tkompli tavvanza ‘l quddiem fl-istess direzzjoni.

Il-Bord tad-Diretturi nnota li wara t-trasformazzjoni ta’ dawn l-aħħar erba’ snin, it-tmexxija ġdida tal-Kumpanija tista’ tiffoka fuq it-tisħiħ, l-irfinar u d-diversifikazzjoni tal-operat tagħha. Enemalta teħtieġ ukoll tkompli għaddejja bl-investiment kontinwu tagħha fit-tisħiħ tal-infrastruttura tal-ġenerazzjoni u d-distribuzzjoni tal-elettriku. B’hekk tibqa’ tiżgura li tkun kapaċi tilqa’ għad-domanda għall-enerġija tal-pajjiż, li qed titla’ ‘l fuq minn sena għall-oħra b’riżultat tat-tkabbir ekonomiku u ż-żieda fil-popolazzjoni. Fl-istess waqt, jeħtieġ li l-Kumpanija taħseb ukoll bil-quddiem għal diversi opportunitajiet u ħtiġijiet teknoloġiċi u ambjentali taż-żmien li ġej, fosthom il-proċess ta’ elettrifikazzjoni tat-trasport bil-karozzi, sistemi ta’ ħażna ta’ enerġija elettrika minn sorsi rinovabbli, provvisti tal-elettriku għal vapuri fil-portijiet u l-cryptocurrency.