Credit Rating Ġdid għall-Enemalta

26.04.2022

L-Aġenzija tal-credit rating S&P Global ikkonfermat ir-rating ta’ B+ waqt li rrevediet minn negattiv għal pożittiv il-prospetti tal-Enemalta, bl-aġenzija tgħid li tista’ tkompli ttejjeb ir-rating tal-Enemalta jekk ix-xejriet preżenti jissoktaw.

L-Aġenzija S&P Global qalet li fl-evalwazzjoni tagħha qieset l-impenn tal-gvern Malti li biex ma jogħlewx it-tariffi għal konsumaturi, qed jagħti l-appoġġ finanzjarju suffiċjenti lill-Enemalta biex tkopri t-telf ikkaġunat mill-prezzijiet għolja tal-gass, tal-elettriku mpurtat bl-interconnector u taż-żieda fl-ispiża tal-carbon credits għall-emissjonijiet.

Osservat li l-gvern wiegħed, sa mitejn miljun Ewro biex jilqa’ għall-effett taż-żieda fil-prezzijiet internazzjonali tal-enerġija. Qalet li jekk il-wegħda tal-gvern titwettaq b’mod regolari, tikkunsidra li tirrevedi l’fuq ir-rating tal-Enemalta. Innotat li l-gvern qiegħed iwettaq dan l-obbligu.

L-Aġenzija nternazzjonali nnotat li l-għajnuna kostanti tal-gvern naqset il-pressjoni fuq il-livell tal-likwidata tal-Enemalta u d-dħul tal-Enemalta kien sostnut mil-fatt li l-għajnuniet li l-gvern ta waqt il-pandemija, servew ta’ għajnuna biex anke tħallsu l-kont mil-klijenti tal-Enemalta. Dan ukoll għen biex is-self tal-Enemalta baqa’ f’livell sostenibbli.