Sikurezza tal-elettriku fil-kamra tas-sodda

Ikkunsidra dawn is-suġġerimenti biex tevita perikli elettriċi fil-kmamar tas-sodda tiegħek:

  • Iċċekkja l-wajers u l-plakek tat-tagħmir elettriku fuq il-komodini, inklużi lampi, ċarġers u arloġġi tal-allarm elettriċi. Jekk tinnota xi ħsara, bħal marki ta’ ħruq jew konnessjonijiet laxki, sewwihom jew ibdilhom immedjatament. Int verament tuża dawn l-apparati fuq bażi regolari? Jekk le, ikkunsidra li tneħħihom biex tnaqqas ir-riskji fil-kamra tas-sodda tiegħek.
  • Il-wattage tal-bozoz fis-saqaf u d-dwal tal-ħajt tiegħek, u l-lampi tal-mejda tiegħek m’għandhomx jaqbżu l-wattage massimu tal-apparat. Li taqbeż dan il-limitu jista’ jikkawża tisħin żejjed, kawża komuni ta’ inċidenti tan-nar fid-dar.
  • Itfi u aqla’ ċ-ċarġers tat-telefon ċellulari tiegħek u ta’ mezzi standby oħrajn meta ma jkunux qed jintużaw.
  • Oqgħod attent/a b’mod partikolari għall-kutri tal-elettriku. Ixtri waħda ta’ kwalità tajba li hija ċċertifikata kif xieraq. Aqra u segwi l-fuljett ta’ struzzjonijiet tagħha bir-reqqa qabel ma tużaha għall-ewwel darba. Huwa rrakkomandat li titfi u taqla’ l-plakka tal-kutra tal-elettriku qabel ma tidħol fis-sodda.
  • Ivverifika regolarment kutri tal-elettriku għal drapp imżarrat, marki ta’ ħruq, elementi esposti, tbajja’ jew irqajja’ niedja, wajers jew swiċċijiet bil-ħsara. Jekk ikollok dubju, fittex parir mingħand elettriċista jew tekniku ċertifikat, jew ibdilhom. Jekk is-sodda tixxarrab, neħħi l-kutra tal-elettriku immedjatament u staqsi lil tekniku ċċertifikat biex jittestjaha qabel ma terġa’ tużaha.
  • Tqabbadx adapters b’ħafna plakek fuq adapters oħrajn jew kejbils ta’ estensjoni minħabba li dan jista’ jwassal għal tagħbija żejda u jikkawża nirien. Jekk għandek bżonn sokits addizzjonali għal perjodu twil ta’ żmien, ikkunsidra li żżid uħud permanenti ġodda mal-installazzjoni eżistenti tiegħek.
  • Tħallix il-wajers ta’ apparati elettriċi jiġru fl-art biex jiġi evitat ir-riskju ta’ tgerbib fuqhom.