L-Enemalta tibda l-2022 b’aktar proċessi diġitilizzati

15.12.2021

Il-proġett tal-paperless li bih ħafna mill-operat tal-Enemalta qed isir on-line bi programm żviluppat internament daħal f’fażi oħra.

Ir-reġistru fejn hemm mal-130 elf file li infetħu fl-aħħar 60 sena, mhux ser ikollu xkaffa dedikat għal files tal-2022.

Bl-aħħar aġġornamenti fis-sistema paperless, issa hemm 30 operazzjoni tal-kumpanija li jinsabu kompletament online u dan ifisser li m’għadx hemm ħtieġa li jinfetħu aktar files ġodda.

L-ICT Divisional Manager, Duncan Mallia spjega li s-sistema paperless tal-Enemalta tuża t-teknoloġija tal-Microsoft li tipprovdi aċċess lill-utenti tagħha bil-kontrolli kollha meħtieġa għas-sigurtà tad-data.

Bl-aħħar aġġornament fis-sistema m’hemmx iżjed ħtieġa li jinfetħu files ġodda għal erba’ proċessi li huma:

• Dwar talbiet tal-klijenti fuq allegati ħsarat ikkawżati mill-provvista tal-elettriku.
• Files dwar ħsarat fi propjetajiet tal-Enemalta.
• Files relatati mas-sistemi tal-Pannelli fotovoltajiċi.
• Files dwar il-forniment tal-provvista tal-elettriku

Bit-tletin proċess virtwali li jinkludu l-formoli kollha tad-Dipartiment tar-Riżorsi Umani sal-proċeduri kollha tar-relazzjonijiet tal-Enemalta mal-klijenti tagħha jagħmlu lill-kumpanija aktar trasparenti fl-operat kollu tagħha waqt li jsaħħu l-kredenzjali ambjentali tal-Enemalta.