L-istorja tal-elettriku

2017
L-aħħar impjant tal-enerġija mħaddem bil-heavy fuel oil li kien għadu jopera f’Malta, l-impjant ta’ Delimara 1 tal-1992, intefa u tqiegħed f’cold standby fl-24 ta’ April 2017.
 
Fl-istess jum, Electrogas Malta tinawgura l-impjant CCGT il-ġdid imħaddem bil-gass ta’ Delimara 4 u l-faċilitajiet relatati ta’ provvista u rigassifikazzjoni tal-LNG.
 
Minn dakinhar, it-taħlita għall-ġenerazzjoni tal-elettriku ta’ Malta ma għadhiex dipendenti fuq impjanti jaħdmu bil-heavy fuel oil sabiex ikun assigurat livell adegwat ta’ sigurtà tal-provvista. Minflok, il-pajjiż qiegħed jadotta taħlita diversifikata tal-enerġija bbażata fuq żewġ impjanti li jaħdmu bil-gass, l-Interconnector bejn Malta u l-Italja, sorsi ta’ enerġija rinnovabbli konnessi mal-grid u livell adegwat ta’ kapaċità ta’ emerġenza permezz tal-impjanti ta’ Delimara 2 li jaħdmu bil-gasoil.
 
 
2017
Hekk kif l-impjant il-ġdid li jaħdem bil-gass u l-impjant ta’ Delimara 3 konvertit għall-gass f’Delimara għaddejjin mill-ittestjar finali u jibdew jiġġeneraw l-elettriku, il-Power Station tal-Marsa m’għadx hemm bżonn li tibqa’ fuq cold standby. Hija ġiet skonnettjata kompletament mill-grid nazzjonali sabiex tkun tista’ tkompli titwaqqa’ fit-12 ta’ Marzu 2017.
 
 
2015
Fid-9 ta’ April 2015, il-Prim Ministru ta’ Malta u l-Prim Ministru tal-Italja jinawguraw l-Interconnector ta’ 200 MW twil 120 bejn Malta u l-Italja, li jgħaqqad il-grid tal-elettriku Maltija man-netwerk tal-enerġija Ewropew.
 
 
2015
Fid-9 ta’ Marzu 2015, il-Power Station tal-Marsa tintefa u titpoġġa fuq cold standby, tistenna d-dekummissjonar finali. Iż-żarmar ta’ din il-power station ta’ 62 sena diġà beda.
 
 
2014
F’Diċembru 2014, Enemalta tiffirma ftehim ta’ investiment strateġiku ta’ bosta miljuni ma’ Shanghai Electric Power, li permezz tiegħu l-fornitur ta’ servizzi tal-enerġija internazzjonali kklassifikat triple-A akkwista parteċipazzjoni azzjonarja ta’ 33% f’Enemalta plc. Iż-żewġ Kumpaniji jniedu wkoll żewġ impriżi konġunti, li se jippermettu lill-Enemalta tiftaħ opportunitajiet ġodda ta’ negozju fir-reġjun tal-Mediterran, u lil hinn, f’żewġ setturi li qegħdin jikbru – proġetti tal-enerġija rinnovabbli u l-manutenzjoni tal-ġenerazzjoni u d-distribuzzjoni tal-enerġija.
 
 
 2014
Fil-25 ta’ Awwissu, ġiet stabbilita Enemalta plc biex tieħu f’idejha l-infrastruttura u l-operazzjonijiet tal-ġenerazzjoni u d-distribuzzjoni tal-elettriku li qabel kienu amministrati mill-Korporazzjoni Enemalta. Id-Diviżjoni tal-Petroleum tal-Korporazzjoni ġiet trasferita għal entità governattiva separata, Enemed Co. Ltd.
 
 
2013
Biex issegwi politika ġdida tal-gvern, Enemalta tniedi proġetti maġġuri biex tieqaf tuża l-heavy fuel oil fit-taħlita tagħha għall-ġenerazzjoni tal-elettriku u minflok taqleb għall-gass naturali. Din il-bidla hija mistennija li twassal għal titjib sostanzjali fil-kwalità tal-arja u għal tnaqqis fl-ispejjeż tal-ġenerazzjoni. Il-proġetti jinkludu l-bini ta’ impjant ġdid f’Delimara u d-dekummissjonar tal-unitajiet ta’ ġenerazzjoni l-qodma operati mill-Enemalta.
 
 
2012
Fl-14 ta’ Diċembru 2012, l-Enemalta tieħu uffiċjalment f’idejha l-estensjoni l-ġdida ta’ 149 MW f’Delimara, li tinkludi tmien magni diesel Wartsila li joperaw f’modalità ta’ ċiklu kombinat u turbina waħda tal-fwar.
 
 
2010
Fl-14 ta’ Diċembru 2010, l-Enemalta flimkien mad-Dipartiment tal-Kuntratti u l-Ministeru tal-Finanzi ffirmaw il-kuntratt ta’ aġġudikazzjoni ma’ Nexans, għall-bini ta’ Interconnector bejn Malta u Sqallija, li se jara l-grid tal-elettriku tal-gżira mqabbda permezz ta’ kejbil taħt il-baħar mal-Ewropa kontinentali.
 
 
2005
Fl-2005 l-Enemalta ntrabtet li tixtri l-enerġija rinnovabbli ġġenerata fil-gżejjer Maltin.
 
 
2001
Fl-2001, l-Enemalta reġgħet ikkummissjonat il-preċipitaturi Elettrostatiċi li oriġinarjament kienu installati fuq il-bojlers imħaddma bil-faħam biex jitħaddmu fuq il-bojlers li jaħdmu biż-żejt fil-power station tal-Marsa biex tnaqqas l-emissjonijiet tat-trab b’99%.
 
 
1999
Fl-1999, l-Enemalta kkummissjonat impjant ta’ ġenerazzjoni b’ċiklu kombinat li juża gażojl b’0.2% kubrit.
 
 
1995
F’April 1995, l-Enemalta waqfet tuża l-faħam bħala karburant għall-impjanti ta’ ġenerazzjoni tagħha, u b’hekk naqqset l-emissjonijiet tas-CO2 u tat-trab.2and dust emissions.
 
 
1994
Tiġi dekummissjonata l-Power Station A ta’ taħt l-art.
 
 
1990
Fl-1990 tiġi miżjuda turbina tal-gass oħra b’ċiklu miftuħ GE frame 6 ta’ 37 MW mal-impjant tal-Marsa.
 
 
1978-1987
Hekk kif id-domanda għall-elettriku kompliet tiżdied, il-Power Station tal-Marsa implimentat diversi proġetti sabiex testendi l-kapaċità ta’ ġenerazzjoni tagħha. Inġiebu tliet turbini General Electric / Ansaldo San Giorgio ta’ 30 MW lejn Malta minn Palermo, fi Sqallija u dawn reġgħu ġew armati fil-Power Station tal-Marsa minn ħaddiema tal-Malta Drydocks u tal-Enemalta. Matul l-istess perjodu, żewġ bojlers oħra, il-Bojler 7 u l-Bojler 8, kull wieħed kapaċi jipproduċi 60 MW ta’ fwar, kienu akkwistati mir-Renju Unit u installati fl-istess impjant. Fl-1987, inġiebet Malta turbina tal-fwar Parsons / Rolls Royce ta’ 60 MW minn Little Barford, fir-Renju Unit.
 
 
1977
Fl-1 ta’ Ottubru, iddaħħlet leġislazzjoni ġdida sabiex tistabbilixxi l-Enemalta, korporazzjoni governattiva ġdida fdata bl-iżvilupp u l-operat tal-ħtiġijiet enerġetiċi tal-pajjiż, inklużi l-elettriku, il-gass u l-fjuwils miż-żejt. B’din il-liġi, l-Enemalta ħadet il-post tal-Bord Malti għall-Elettriku, il-Bord għall-Gass u s-Sezzjoni għaż-Żejt tal-Ministeru tal-Iżvilupp, l-Enerġija, il-Portijiet u t-Telekomunikazzjoni.
 
 
1970-1971
L-Istazzjon B kompla jiġi estiż b’żewġ bojlers ta’ 30 MW u turbini tal-fwar Franco Tosi. Ġiet inawgurata wkoll unità ta’ distillazzjoni tal-ilma baħar ta’ tliet miljun gallun/ġurnata.
 
 
1966
Ġiet inawgurata l-Power Station il-ġdida, magħrufa bħala l-Istazzjon B tal-Marsa. Dan l-istazzjon, li nbena fuq l-art qrib l-istazzjon ta’ taħt l-art, kellha żewġ Turbo Alternator Units Franco Tosi ta’ 12.5 MW. Huwa kellu wkoll impjant ta’ desalinazzjoni ta’ miljun gallun kuljum li kien jipprovdi provvista tal-ilma lill-irħula fil-qrib. F’dan ir-rigward, l-istazzjon sar l-ewwel impjant tal-enerġija u l-ilma fid-dinja.
 
 
1960 – 1965
Minħabba d-domanda kostanti għall-provvista tal-elettriku u minħabba d-diversifikazzjoni tal-ekonomija tal-gżira, fl-1960, l-istazzjon ta’ taħt l-art fil-Marsa ġie estiż b’żewġ turbini tal-fwar Metropolitan Vickers ta’ 5 MW. Ħames snin wara, dan reġa’ ġie estiż b’Turbo Alternator tal-Gass Fiat ta’ 5.7 MW. Minħabba n-nuqqas ta’ spazju fil-mini ta’ taħt l-art li fihom kien hemm l-istazzjon, ġie deċiż li għandha tinbena Power Station ġdida qribu.
 
 
1954-1959
Id-domanda biex jiġi fornit l-elettriku lill-aktar villaġġi remoti, speċjalment dawk fit-Tramuntana tal-gżira, kienet qiegħda ssir b’mod kontinwu mir-residenti. Sabiex jinforma ruħu dwar id-domanda, il-Gvern ikkummissjona studju tal-fattibbiltà biex jara x’passi kellhom jittieħdu. Ġie rakkomandat li kien aktar vijabbli li Għawdex jiġi servut mill-Power Station f’Malta u fl-1957 tpoġġew żewġ kejbils f’qiegħ il-baħar mill-Marfa għal Kemmuna u minn Kemmuna għal Għawdex. Dan ġie kkummissjonat fl-1958. F’Jannar 1959, il-Power Station ta’ Għawdex waqfet topera u hekk intemm kapitlu ieħor fl-istorja tal-elettriku tal-gżejjer Maltin.
 
 
1954-1958
Wara l-ikkummissjonar tal-Power Station il-ġdida, bdiet era ġdida. L-introduzzjoni ta’ sistema 3-phase b’50 ċiklu kienet teħtieġ il-bidla kompleta tal-installazzjonijiet u t-tagħmir tan-netwerk tad-distribuzzjoni. Dan il-programm ambizzjuż beda fl-1954 u dam għaddej erba’ snin. Din il-biċċa xogħol kienet tirrikjedi li l-koordinazzjoni tal-ħaddiema u r-riżorsi materjali titlesta fi żmien hekk qasir. Dawn is-snin kienu magħrufa bħala l-“perjodu tal-bidla” meta l-provvista tal-elettriku u n-netwerk tad-distribuzzjoni nqalbu minn single-phase b’100 ċiklu għal three-phase b’50 ċiklu. Il-bini mill-ġdid tas-sistema tad-distribuzzjoni kien jinvolvi t-tqegħid ta’ kejbils three-phase ta’ 11 kV u t-twaqqif ta’ kejbils fil-għoli ta’ 11 kV, il-bini ta’ substations ġodda u s-sensil tal-mejns ta’ servizz 3-phase ta’ 415/240v.
 
 
1953
Il-Power Station il-ġdida, li ġiet installata fil-mini mħaffra taħt l-Għolja tal-Ġiżwiti, fil-Marsa, ġiet inawgurata fil-5 ta’ Diċembru 1953. Din kienet tiġġenera l-elettriku b’50 ċiklu three-phase permezz ta’ tliet turbini tal-fwar Westinghouse ta’ 5MW. Il-kapaċità installata ta’ dan it-tagħmir ġdid kienet ta’ 15 MW.
 
 
1949 (GOZO)
Fl-1949 f’Għawdex ġiet installata unità ġdida b’kapaċità ta’ 120 kW. Dan tella’ l-kapaċità totali għal 180 kW minħabba li nbidel ukoll xi apparat antik. Matul l-istess perjodu, ġie installat ukoll alternator b’kapaċità ta’ 200kW sabiex ikun jista’ jipprovdi għad-domanda eżistenti għall-elettriku. It-tagħmir il-ġdid ġie inawgurat f’Awwissu 1951. Minħabba dan it-titjib, sal-1953, l-elettriku ġie introdott ukoll f’xi wħud mill-villaġġi rurali tal-gżira.
 
 
1948 – 1949
Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, il-Gvern Malti fittex għajnuna taħt l-Iskema tal-Marshall Aid għall-irkupru tal-Ewropa mkissra mill-gwerra. Tfittxet għajnuna finanzjarja biex tiffinanzja l-ispiża tal-impjant u tat-tagħmir għal Power Station ġdida biex finalment tieħu post dik fix-Xatt ta’ Lascaris. L-Amministrazzjoni Ekonomika tal-Istati Uniti tal-Amerika, wara aktar minn sena ta’ diskussjonijiet, approvat l-għotja.
 
 
1936 (GOZO)
Għaxar snin wara l-introduzzjoni tal-elettriku fil-gżira ta’ Għawdex, il-gvern approva s-sistema 3-phase b’50 ċiklu.
 
 
1935
Fl-1935 reġgħu tressqu proposti għal impjant akbar u din il-proposta għal darba oħra kienet tinkludi l-konverżjoni tas-sistema ta’ distribuzzjoni antikwata għall-operazzjoni standard 3-phase b’50 ċiklu. Madankollu, il-bidu tat-Tieni Gwerra Dinjija kien ifisser li dawn il-pjanijiet ġew sospiżi għal darba oħra.
 
 
1922 – 1933
 Fl-1920 saret rakkomandazzjoni biex l-alternators qodma mħaddma bil-magni fil-Power Station ta’ Lascaris jiġu sostitwiti b’sistema ta’ turbini tal-fwar ta’ kapaċità ogħla. Din kienet tinkludi, l-introduzzjoni ta’ sistema ta’ operazzjoni 3-phase b’50 ċiklu. Minħabba l-ispejjeż għoljin involuti, din il-proposta ġiet imwarrba mill-Gvern tal-ġurnata. Sentejn wara, wara rapport dwar il-provvista tal-elettriku f’Malta, is-sistema proposta ġiet introdotta.
 
 

1925 – 31 (GOZO)

Wara deċiżjoni meħuda fl-1925, inbniet Power Station fi Triq Santa Domenika fir-Rabat Għawdex. Il-provvista ġiet inawgurata fl-1 ta’ Awwissu 1926. L-impjant ta’ ġenerazzjoni kien jikkonsisti minn żewġ unitajiet ta’ Settijiet ta’ Alternators Diesel ta’ 44 kVA. Id-domanda għall-elettriku kienet pjuttost ristretta f’Għawdex minħabba l-fatt li din kienet soċjetà agrarja bi ftit li xejn industrija mekkanizzata. Għalhekk l-elettriku kien jintuża prinċipalment għal skopijiet ta’ tidwil. Fl-1931 ġie miżjud aktar tagħmir, li tella’ l-kapaċità għal 94 kVA. Matul dan il-perjodu, il-provvista kienet tiġi pprovduta prinċipalment wara l-għabex u f’xi okkażjonijiet matul il-ġurnata.
 
 
1904 – 1915
Matul dan il-perjodu, minħabba l-espansjoni tas-sistema tal-elettriku f’Malta, żdiedu aktar unitajiet ta’ ġenerazzjoni mal-impjant eżistenti. Matul l-1904 ġew installati żewġ unitajiet ta’ ġenerazzjoni li kellhom kapaċità ta’ 600 KW. Dawn inxtraw mingħand Westinghouse Beliss, u ECC Beliss rispettivament. Fl-1915 ġie installat impjant ieħor li żied il-kapaċità ta’ ġenerazzjoni b’500 KW oħra. Dan l-impjant kien ordnat mingħand Ljungstrom Brush.
 
 
1894-1896
Is-sena 1894 rat it-tlugħ tal-ewwel servizz pubbliku tal-elettriku fil-Gżejjer Maltin. Il-Power Station Ċentrali, kif kienet magħrufa f’dak iż-żmien, ittellgħet taħt l-Għolja tal-Kurċifiss, faċċata tal-Port il-Kbir, fil-limiti tal-Furjana. It-tagħmir kien jinkludi sett ta’ erba’ unitajiet ta’ ġenerazzjoni jaħdmu bil-fwar li kellhom kapaċità ta’ 350KW. Fil-bidu nett din kienet tintuża sabiex jinxtegħlu t-toroq iżda mbagħad ħadet post it-town gas bħala illuminazzjoni fid-djar u bini ieħor, u aktar tard fl-industrija. L-ewwel dawl elettriku pubbliku ġie installat fil-Belt Valletta u l-Furjana. Matul l-istess sena, il-provvista ġiet estiża għall-Ħamrun, Bormla, il-Birgu u l-Isla (Il-Kottonera). Il-provvista f’dak iż-żmien kienet single-phase b’100 ċiklu. L-impjant kien skedat li jiġi inawgurat fl-1895 iżda minħabba diffikultajiet u d-dewmien fix-xogħol, dan ġie estiż għas-sena ta’ wara. L-ewwel impjant ta’ ġenerazzjoni ġie ordnat mingħand Modley Brush.
 
 
1890
Il-Gvern ta’ Malta, bl-intervent tas-Segretarju tal-Istat għall-Kolonji, ikkummissjona l-ewwel studju tal-fattibbiltà (li kien jinkludi aspetti kemm tekniċi kif ukoll ekonomiċi) biex jagħti parir dwar l-introduzzjoni tal-provvista ta’ kurrent elettriku f’Malta. Dan ir-rapport tħejja mis-Sur William H. Preece, Inġinier Konsulent, u ntbagħat lill-Gvern ta’ Malta fl-1 ta’ Diċembru 1890.
 
Ir-rapport irrakkomanda l-introduzzjoni ta’ sistema ta’ kurrent alternat ta’ pressjoni għolja sabiex tipprovdi l-enerġija għal 10,000 bozza ta’ 10-candle power kull waħda. Kien stmat li l-impjant jiġi jiswa £40,000. Il-proġett kien jinkludi l-estensjoni tal-mejns lejn il-Belt Valletta, il-Furjana, it-Tlett Ibliet, il-Ħamrun u Tas-Sliema.
 
 
1883
Għan-nom ta’ Eastern Electric Light and Power Co. Ltd, Chev. Edward Rosenbusch għamel l-ewwel dimostrazzjoni tal-elettriku għall-użu mill-konsumatur fir-residenza privata tiegħu, f’numru 27, Triq il-Merkanti, Il-Belt Valletta. Huwa stieden diversi dinjitarji lokali u membri tal-pubbliku biex jaraw il-bidu ta’ era ġdida tal-provvista tal-elettriku għall-konsumaturi. Waqt din id-dimostrazzjoni, huwa għamel installazzjoni sempliċi tad-dawl elettriku.
 
 
1882
Id-dawl elettriku ġie introdott għall-ewwel darba f’Malta waqt l-opraUn Ballo in Maschera  fir-Royal Opera House, fil-Belt Valletta. Matul l-istess sena, Piazza San Giorgio nxtegħlet ukoll bid-dawl elettriku.

L-impjant CCGT il-ġdid imħaddem bil-gass ta’ Delimara 4Il-Prim Ministru flimkien ma tfal min Marsaxlokk u Birzebbugia jitful l-HFO pipeline ta’ Delimara Power Station

L-impjant tal-gass ta’ Delimara 4

Malta – Italy Interconector

Twaqqiegħ taċ-ċumnija ta Marsa Power Station

Il-Power Station ta’ Delimara

Il-Power Station tal-Marsa

Workers assembling one of the three 30MW turbines at the Marsa Power Station (1978 – 1987)

One of the B Station’s boilers, soon after it was erected.

The B Station’s turbine hall.

William H. Preece, (1864) who was the first consultant for the Malta Government in connection with the electricity supply in Malta

Invitation for a demonstration of electricity lighting in a private house in Valletta in 1894, by Chevalier Edward Rosenbusch

Lying of the submarine cable between Malta/Comino/Gozo Channel to supply electricity for the mainland

Decorative lamps posts at the Customs place in the early fifties

The Malta Water Power Station at Marsa

The first Malta Power Station erected at Crucifix Hill Floriana in 1895. Photo taken in the late forties after the Second World War.