Tnedija ta’ proġett pilota dwar carġing ta’ vetturi elettriċi għal utenti residenzjali

03.01.2020

Wara l-miżura mħabbra matul id-diskors tal-Baġit 2020, li permezz tagħha, minn din is-sena, sidien ta’ vetturi elettriċi se jħallsu rata fissa għall-elettriku li jikkonsmaw biex jiċċarġjaw il-vettura tagħhom fir-residenza tagħhom, bħala parti mill-inizjattiva tal-Gvern biex jinkoraġġixxi l-użu ta’ vetturi elettriċi, Enemalta plc qed tniedi proġett pilota bħala proċedura inizjali fl-implimentazzjoni ta’ din l-inizjattiva.

Filwaqt li fil-ġimgħat li ġejjin Enemalta plc se tkun qed tniedi servizz għas-sidien ta’ vetturi elettriċi li se jingħataw rati vantaġġjużi biex jiċċarġjaw il-vettura elettrika tagħhom fil-kumdità tar-residenza tagħhom, illum qed jitnieda proġett pilota li se jkun disponibbli għall-ewwel mitt applikant li jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom fuq is-sit elettroniku ta’ Enemalta plc.

L-ispejjeż relatati mall-installazzjoni u l-użu tal-apparat se jingħataw b’xejn matul dan il-proġett pilota, filwaqt li rata fissa ta’ €0.1298ċ għal kull unit se tiġi applikata meta tiġi ċċarġjata l-vettura waqt perjodu ta’ ħin speċifiku (00.00 hrs -06.00 hrs) kif stipulat minn Enemalta plc. Il-konsum ikkunsmat waqt il-kompletament tal-ġurnata se jiżdied mal-konsum attwali tar-residenza privata tagħhom.

Il-konsum tal-EV se jitkejjel permezz ta’ miter ġdid. Matul il-perjodu off-peak, l-EV unit (EVU) se tiġi attivata b’mod awtomatiku, waqt li matul il-peak period, din tiġi iddiżattivata b’mod awtomatiku. Matul il-kumplament tal-jum, l-utenti xorta waħda se jkunu f’pożizzjoni li jiċċarġjaw il-vettura elettrika tagħhom billi jattivaw il-by pass function. Meta jagħmlu dan, l-EVU tibqa’ attiva sakemm jerġa’ jingħata bidu għall-perjodu on-peak (fis-06.01 hrs).

Dawk interessati li jieħdu sehem f’dan il-proġett pilota għandhom jimlew formola fuq is-sit elettroniku ta’ Enemalta plc u l-uffiċjali tagħna jikkuntattjahom fil-jiem ta’ wara.