L-Enemalta b’rating stabbli minkejja l-pandemija

25.03.2021

L-Agenżija Internazzjonali tal-credit ratings S&P Global, ikkonfermat ir-rating ta’ BB- lill-kumpanija Enemalta PLC li huwa l-istess rating li l-Enemalta kellha fl-2019 meta kellha xenarju ekonomiku differenti.

L-ekonomisti ta’ S&P Global wara li analizzaw l-andament tal-Enemalta u r-riżultati finanzjarji tagħha fl-2020, irrikonoxxew l-isfidi straordinarji li l-Enemalta kellha s-sena li għaddiet.

Ewlenin fosthom il-fatt li fis-sena tal-pandemija, d-domanda għall-enerġija naqset b’4.5% minħabba li naqset l-attivita’ ekonomika speċjalment fit-turiżmu.

L-Ekonomisti innutaw ukoll li l-Enemalta fl-ewwel tliet xhur tas-sena li għaddiet, kellha tuża l-impjanti oħra għal ġenerazzjoni tal-elettriku li jaħdmu bid-diesel biex tassigura l-provvista tal-elettriku għal pajjiż kollu. Dan wara l-ħsara ikkawżata minn vapur fl-interconnector bejn Malta u Sqallija. Minħabba dan l-kumpanija kellha spejjes addizzjonali sostanzjali.

Għalkemm l-Enemalta irkuprat l-ispiża ta’ aktar minn għaxar miljun ewro mill-assigurazzjoni għat-tiswija tal-interconnector, għadha għaddejja bi proċeduri legali biex tirkupra l-ispejjes addizzjonali.

L-analisti tal-agenzija qegħdin ibassru li fis-sentejn li ġejjin, id-domanda għall-elettriku terga’ tiżdied u l-Enemalta terga’ lura għax-xejriet li kellha qabel il-pandemija, b’zieda annwali fid-domanda tal-elettriku  ta’ bejn 3.5% u 4% sal-2023.

L-Agenzija S&P osservat li l-għajnuna tal-gvern lil negozji u familji kienet utli ħafna u serviet bħala għajnuna indiretta biex l-Enemalta assigurat livell adegwat ta’ likwidita’ bil-ħlasijiet tal-kontijiet mill-konsumaturi tagħha.

L-analisti qalu li jekk il-qagħda macro-ekonomika titjieb ikunu jistgħu jirrevedu l-prospetti  tar-rating tal-Enemalta minn negattiv għal stabbli.

Ir-rapport ta’ S&P Global ta marki tajbin lill-Enemalta għas-sehem tagħha biex tassigura l-provvista tal-elettriku kif ukoll għal valuri li l-kumpanija tħaddan fil-qasam ambjentali, soċjali u ta’ governanza.