Jinħattu l-aħħar żewġt iċmieni tal-Marsa Power Station

12.12.2017

Enemalta plc waqqgħet l-aħħar tnejn minn ħamest iċmieni li kellha l-Marsa Power Station, nhar il-Ħamis 7 ta’ Diċembru.

Iċ-ċmieni kienu fost l-aħħar ftit strutturi ta’ dan l-istazzjon tal-ġenerazzjoni tal-elettriku tal-1953 li kien għadhom ma tneħħewx. Enemalta waqfet tuża l-Marsa Power Station fi Frar 2015 u qatgħetha minn mas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku darba għal dejjem, sabiex tkun tista’ tiżżarma għal kollox, aktar kmieni din is-sena. L-istrutturi li għad fadal fis-sit mistennija jitneħħew sal-bidu tas-sena d-dieħla.

Waqt l-operazzjoni tal-Ħamis filgħodu, kuntratturi tal-Kumpanija użaw high reach demolition excavator u remote-controlled excavators sabiex jaqtgħu parti minn naħa t’isfel taż-żewġt iċmieni. Hekk kif inqatgħu aktar minn nofs il-pedamenti, l-istrutturi ċedew u mielu ‘l quddiem f’direzzjoni maħsuba minn qabel, sakemm ħabtu u tfarrku mal-art. Fil-post fejn kienet se taqa’ l-itwal miż-żewġt iċmieni, tpoġġa ammont ta’ terrapien imxarrab sabiex inaqqas l-impatt tad-daqqa.

L-ewwel struttura li twaqqgħet kmieni l-Ħamis filgħodu kienet iċ-ċumnija tal-konkos ta’ 42 metru li nbniet fl-1970. Din il-binja kienet tifforma parti mill-ewwel estensjoni tal-Marsa B Power Station u kienet tinkludi wkoll żewġ boilers tal-fwar u żewġ turbini ta’ 30 megawatt-il waħda.

It-tieni ċumnija kienet parti minn Unit 8 tal-1986, l-akbar ġeneratur tal-elettriku li kien hemm fil-Marsa Power Station li ntefa għall-aħħar darba fi Frar 2015. Dan l-impjant kien jinkludi boiler li jaħraq il-faħam u l-heavy fuel oil u turbina ta’ 60 megawatt li kienet inġabet Malta minn power station f’Little Barford, Bedfordshire, l-Ingilterra.

B’għoli ta’ 81 metru ‘l fuq mill-art, din iċ-ċumnija wiesa ħames metri kienet l-itwal struttura tal-Marsa Power Station. Madankollu, l-aktar struttura għolja kienet iċ-ċumnija tal-ħadid ta’ Unit 7, li minkejja li kienet twila 69 metru, kienet mibnija fuq art ogħla ftit metri ‘l bogħod. Din iċ-ċumnija żżarmat ftit tax-xhur ilu flimkien ma’ diversi partijiet oħra tal-istazzjon.

Waqt ix-xogħol ta’ twaqqigħ, il-kuntratturi qed isegwu pjanijiet u metodi metikolużi meqjusa mill-awtoritajiet tal-ambjent u tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Diversi miżuri ta’ prevenzjoni qed jintużaw matul il-proċess kollu sabiex jiġu mħarsa l-ħaddiema involuti f’dan il-proġett, kif ukoll l-impjegati ta’ postijiet tax-xogħol fl-inħawi.

Inġ. Fredrick Azzopardi, Executive Chairman ta’ Enemalta plc, irringrazzja lill-impjegati u l-kuntratturi li ppjanaw u wettqu dan il-proġett sabiex tieqaf tintuża u tiżżarma l-Marsa Power Station f’dawn l-aħħar snin. “It-tmiem tal-impjanti antiki tal-heavy fuel oil kien pass kbir ‘il quddiem fit-twettiq tal-pjan tagħna sabiex nittrasformaw it-taħlita ta’ sorsi tal-ġenerazzjoni tal-elettriku tal-pajjiż f’waħda diversifikata u effiċċjenti, permezz ta’ impjanti ġodda jaħdmu bil-gass naturali, il-Malta-Italy Interconnector u sistemi tal-enerġija li tiġġedded. Dan l-iżvilupp infrastrutturali storiku ifisser li qed niksbu aktar sigurtà tal-provvista, li qed innaqqsu t-tniġġis tal-arja b’ammonti kbar ħafa waqt li nibqgħu nsostnu fost l-irħas tariffi tal-elettriku fl-Ewropa għall-klijenti tagħna.”

“L-aħħar strutturi tal-Marsa Power Station jitneħħew u jinħarġu mis-sit fl-2018 sabiex inkunu nistgħu nibdew inħarsu ‘l quddiem biex nippjanaw futur sostenibbli għal dan is-sit important bħala parti mir-riġenerazzjoni tal-Marsa u tan-naħa ta’ ġewwa tal-Port il-Kbir,” temm jgħid l-Inġ. Azzopardi.

Enemalta plc tixtieq tirringrazzja lill-impjegati u l-kuntraturi tagħha, lill-awtoritajiet involuti, lir-residenti u n-negozji tal-inħawi u lil dawk kollha li qed jikkoperaw u jappoġġjaw din il-ħidma sabiex tiżżarma l-Marsa Power Station.