Interruzzjoni fil-provvista tal-elettriku

28.11.2020

Illum fis-7.38pm kien hemm interruzzjoni fil-provvista tal-elettriku fl-istazzjon tal-interconnector min-naħa ta’ Sqallija.

Għalkemm il-kawża tal-interruzzjoni trid tiġi stabbilita, f’dak il-ħin fl-inhawi tal-istazzjon kien hemm maltemp kbir. Dan wassal biex il-provvista tad-dawl l-elettriku lejn Malta tiġi nterrotta. Lokalment is-sistema tad-distribuzzjoni hija mgħammra b’faċilita’ awtomatika fejn id-dawl jinqata’ (load shedding) biex jiġu protetti l-impjanti ta’ ġenerazzjoni ġewwa Delimara.

Għaldaqstant, hekk kif marret il-provvista, filwaqt l-impjanti li jaħdmu bil-gass ma ġewx affetwati, it-tekniċi tal-Enemalta, f’ħin qasir, żiedu l-ġenerazzjoni tal-elettriku biex fi tmien minuti bdiet terġa’ tiġi restawrata l-provvista tal-elettriku. Il-maġġoranza tal-konsumaturi affetwati kellhom is-servizz lura f’inqas minn 40 minuta.

Filwaqt li Enemalta tiskuża ruħha għal kull inkonvjent, tinnota li s-sistemi ta’ ġenerazzjoni u protezzjoni awtomatika ħadmu kif suppost biex ġie żgurat l-anqas inkonvenjent possibli.