€8 miljuni għat-tisħiħ tas-sistema tal-elettriku f’Marsaxlokk u Birżebbuġa

21.01.2018

Bħala parti mill-investiment kontinwu għal servizzi tal-elettriku aħjar lill-klijenti tagħha, Enemalta qed issaħħaħ is-sistema li twassal l-elettriku f’Marsaxlokk, f’Birżebbuġa, fiż-żona industrijali ta’ Ħal Far u nħawi oħra fil-qrib.

Permezz ta’ dan il-proġett ta’ €8 miljun, Enemalta qed iżżid 30 kilometru ta’ cables ta’ vultaġġ għoli taħt l-art matul rotta ta’ seba’ kilometri li titlaq mid-Delimara Power Station u tgħaddi minn Marsaxlokk, il-Qajjenza, Birżebbuġa u Bengħisa sakemm tasal Ħal Far. Dawn il-cables ta’ 33 u 11-il kilovolt ġodda qed isaħħu l-affidabilità u l-kapaċità tal-konnessjonijiet tas-substations u ċ-ċentri tad-distribuzzjoni li jipprovdu l-elettriku lill-klijenti tal-Kumpanija f’dawn l-inħawi.

Il-proġett jinkludi wkoll l-estensjoni taċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni ta’ 33 kV ta’ Ħal Far, li qed jiġi mgħammar bi transformer ta’ 22.5 MVA ġdid kif ukoll għadd ta’ switchgear panels ta’ 33 kV u 11 kV ġodda. Din l-estensjoni qed iżżid l-affidabilità ta’ dan iċ-ċentru, waqt li tirdoppja l-kapaċità tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku ta’ dawn l-inħawi. B’hekk, Enemalta qed tħejji wkoll għall-elettriku meħtieġ minn għadd ta’ investimenti, fosthom fabbriki u postijiet tax-xogħol ġodda, li mistennija jseħħu f’dawn l-inħawi fis-snin li ġejjin.

Il-proġett beda ftit tal-ġimgħat ilu, b’erba’ timijiet differenti jwettqu x-xogħol ta’ tħaffir ta’ trinek u tqegħid ta’ cables f’erba’ postijiet differenti matul ir-rotta bejn Delimara u Ħal Far. Enemalta qabbdet kuntratturi Maltin u Taljani sabiex jiksbu r-riżorsi meħtieġa ħalli x-xogħlijiet jitlestew fl-inqas ħin possibbli, hekk kif ippjanat. Aktar minn terz tax-xogħol tat-tqegħid u kkonnettjar ta’ cables tlesta diġa. Fi tmiem din il-ġimgħa l-kuntratturi bdew jiksu mill-ġdid bl-asphalt partijiet mit-toroq f’Marsaxlokk u fl-inħawi ta’ Bengħisa f’Birżebbuġa.

Enemalta qed tikkollabora wkoll ma’ Transport Malta u mal-kunsilli lokali rispettivi ħalli tagħti kisja ġdida matul il-wisa’ tat-toroq kollha fejn qed isir ix-xogħol, u mhux biss fil-partijiet li qed jitħaffru. F’ċertu nħawi, il-kuntratturi ta’ Enemalta qed jibnu mill-ġdid il-pedamenti ta’ partijiet minn dawn it-toroq, peress li ma kienux saru tajjeb fil-passat.

Qabel bdiet ix-xogħlijiet, Enemalta tkellmet mal-kunsilli lokali rispettivi u ma’ entitajiet oħra, sabiex jiġi żgurat li jekk hemm xogħlijiet oħra li jeħtieġ isiru fl-istess toroq, jitlestew qabel ma’ t-toroq jingħataw wiċċ ġdid.

Inġ. Fredrick Azzopardi, Ċermen ta’ Enemalta plc, irringrazzja lill-impjegati, kuntratturi u entitajiet governattivi li qed jappoġġjaw il-Kumpanija fit-twettiq ta’ dan il-proġett importanti. “It-tim tal-proġetti tagħna qed isegwi x-xogħlijiet mill-qrib sabiex jiżgura li jitlestew fl-inqas ħin possibbli. Aħna impenjati li nkomplu nsaħħu l-infrastruttura tal-elettriku tal-pajjiż sabiex noffru servizzi ta’ kwalità ogħla lill-klijenti kollha tagħna.

Il-proġett kollu mistenni jitlesta fl-ewwel nofs tas-sena 2018.