Enemalta tindirizza ħsarat fis-sistema ta’ distribuzzjoni tal-High Tension

01.08.2020

Enemalta plc tixtieq tinforma li l-qtugħ ta’ dawl li seħħ fl-aħħar siegħat kien rużultat ta’ ħsarat li seħħew f’uħud mil-cables tal-High Tension li jiffurmaw parti min-network ta’ distribuzzjoni.

Matul il-jum tal-bieraħ u kmieni dalgħodu, dawn il-ħsarat affettwaw diversi lokalitajiet kemm fin-naħa ta’ fuq tal-pajjiż kif ukoll oħrajn fin-naħa t’isfel. Fl-istess waqt kien hemm xi lokalitajiet affetwati fil-gżira Għawdxija.

Filwaqt li l-provvista tal-elettriku reġgħet lura għan-normal, il-ħaddiema ta’ Enemalta plc kienu u għadhom għaddejjin b’ħidma biex dawn il-ħsarat jissolvew fl-iqsar ħin possibbli. Enemalta ma teskludix li jkun hemm mumenti qosra ta’ nterruzzjoni f’ċerti lokalitajiet hekk kif ikunu qed jiġu ffinalizzati t-tiswijiet.

Enemalta plc tiskuża ruħha għal kull inkonvenjent li seta’ inħoloq kaġun ta’ dawn il-ħsarat u tfakkar li n-network ta’ distribuzzjoni li jwassal il-provvista tal-elettriku fid-djar tagħhom huwa wieħed li għandu l-kapaċita’ meħtieġa biex ilaħħaq mad-domanda għall-elettriku f’kull perjodu tas-sena anke matul ix-xhur tas-sajf fejn minħabba s-sħana straordinarja li tolqot lill-gżejjer maltin id-domanda għall-elettriku tkun ferm għolja.